Futbol Sport

Antonio Rudiger jingħaqad ma’ Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Ir-rebbieħa tal-Uefa Champions League Real Madrid uffiċjalment iffirmaw lid-difensur ta’ 29 sena Antonio Rudiger wara li għażel li ma’ jġeddidx ma’ Chelsea fi tmiem il-kuntratt tiegħu. L-aħbar tasal wara li għal xhur sħaħ kien hemm inċertezza dwar il-futur tiegħu fejn anke l-coach ta’ Chelsea Thomas Tuchel kien qal li l-probabiltà hi li Rudiger iħalli l-klabb minn Londra.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali d-difensur tat-tim Nazzjonali tal-Ġermanja qal li Chelsea tawh l-opportunità li jesprimi ruħu u li juri l-kapaċitajiet tiegħu u li issa għażel li jibda avventura ġdida. Huwa qal li ma’ jinsa qatt l-ewwel logħba tiegħu fi Stamford Bridge u li dakinhar kien impressjonat bis-supporters u l-mod kif mill-ewwel kienu diġa qed jilqgħuwh bħala wieħed minnhom li ta’ dan jibqa dejjem grat lejhom.

Fl-aħħar huwa rringrazzja lis-supporters kollha ta’ Chelsea madwar id-dinja, lill-plejers li lagħab magħhom, coaches u kull min ħadem miegħu talli kienu parti minn din l-avventura.

Rudiger issieħeb lil Chelsea fl-2017 fejn magħhom lagħab 133 partita u skorja 9 gowls. Ma’ Chelsea Rudiger rebaħ l-ewwel Champions League tiegħu fl-2021 fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Man City. Huwa rebaħ ukoll it-Tazza tad-dinja tal-klabbs, l-Europa League, Super Cup Ewropea u l- FA Cup.

Rudiger rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs fl-2021 kontra Palmeiras (Ritratt: EPA)

Minn naħa tagħom Real Madrid fi stqarrija uffiċjali kkonfermaw l-akkwist ta’ Rudiger fejn iddiskrevewh bħala wieħed mill-aqwa difensuri fid-dinja u li kellu sehem importanti fir-rebħ tal-Uefa Champions League ma’ Chelsea fl-istaġun 2020/21.