Lokali

IL-KAŻ TA’ IOSIF GALEA: Il-union tal-Pulizija mhux lesta taċċetta l-investigazzjoni li beda Angelo Gafà

Ritratt: Pulizija ta' Malta(Facebook)
Il-Pulizija jinsistu li għandha issir inkjesta tassew indipendenti biex toħroġ il-verità

Żvolta ġdida fil-każ skandaluż tar-raġel Malti li rnexxielu joħroġ mill-pajjiż minkejja li fuq ismu kien hemm arrest warrant u minkejja li hu kien fuq police bail. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat, il-union tal-Pulizija (MPU) stqarret b’mod ċar li m’għandiex fiduċja fl-investigazzjoni appuntata mill-Kummissarju Angelo Gafà, u trid inkjesta tassew indipendenti biex toħroġ il-verità kollha.

Fi stqarrija, il-union tal-Pulizija qalet illi l-fatt li l-każ serju ta’ Iosif Galea intbgħat quddiem il-Complaints Board tal-Korp ma kinitx deċiżjoni tajba. L-aktar minħabba l-fatt li dan il-Bord m’għandux is-saħħa li jinvestiga b’mod sħiħ materji kriminali.

L-MPU trid inkjesta li tkun indipendenti, għaliex teżisti l-biża’ li dan il-proċess jaf jinbidel fi frame-up fuq xi uffiċjal.

Għalhekk, il-union tal-Pulizija qed tappella lill-Ministru tal-Intern u lill-Prim Ministru biex b’mod immedjat jappuntaw inkjesta indipendenti sabiex il-ġustizzja verament tkun qed tidher li qed issir.

L-MPU insistiet li mhux se taċċetta r-rapport tal-Complaints Board għaliex dan mhuwiex indipendenti.

L-eks uffiċjal tal-MGA Iosif Galea kien arrestat fl-Italja wara li inqabad permezz ta’ talba mill-Pulizija Ġermaniża li kienet ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Galea kien għaddej ukoll proċeduri fil-Qrati Maltin u kien fuq police bail. U huwa propju għal din ir-raġuni li hu ma seta’ qatt joħroġ minn Malta – sakemm ma kellux il-barka tal-Kummissarju tal-Pulizija jew xi ħadd ieħor fit-tmexxija tal-Korp.