Lokali

Il-Ministru ma jridx ineħħi lil Anthony Borg mill-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova l-permessi ODZ

Wara li faqqa’ l-iskandlu ta’ Anthony Borg, li wassal saħansitra biex tiġi irtirati n-nomina tiegħu minn Charmain tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Gvern xorta għadu qed iżommu bħala membru fil-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova l-permessi għall-ODZ.

Il-Ġimgħa saqsejna lill-Ministru reponsabbli mill-ippjanar jekk talabx biex Anthony Borg jitneħħa mill-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova l-permessi barra miz-zoni tal-iżvilupp. Iżda Stefan Zrinzo Azzopardi deher skomdu ferm bil-mistoqsija tagħna.

Peress li ma ngħatajna l-ebda tweġiba mill-Ministru, wara li spiċċat il-konferenza tal-aħbarijiet, erġajna għamilna sett ta’ mistoqsijiet lil Zrinzo Azzopardi dwar Anthony Borg. Iżda l-Ministru baqa’ jirrepeti l-istess tweġiba…. li ħa l-passi neċessarji l-Erbgħa li għadda.

Tweġibiet li jixhdu kemm Stefan Zrinzo Azzopardi huwa skomdu ferm jirrispondi dwar dak li jaf vermanet rigward Anthony Borg – il-persuna li hu kien innominah għat-tmexxija tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Isem Borg spiċċa f’nofs kontroversja wara li l-Erbgħa li għadda, matul il-grilling li kien qiegħed isir fil-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi, ammetta li ma rrapportax lill-Pulizija każ ta’ attentat ta’ tixħim. Filwaqt li lanqas ma rrapporta lis-superjuri tieghu.

Anthony Borg ammetta li l-każ seħħ 12-il sena ilu meta uffiċjal tal-Pulizija avviċinah b’envelope sabiex jitolbu pjaċir.

Filwaqt li huwa insista li kien irrifjuta li jinxtara… huwa stess ikkonferma li ma rrapportax il-każ lill-Pulizija.

Kien biss wara li ġie żvelat dan kollu li l-Ministru Zrinzo Azzopardi informa lil Anthony Borg li n-nomina tiegħu sabiex jinħatar chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, ġiet irtirata. Iżda sal-lum, Borg xorta għadu jifforma parti mill-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova l-permessi għall-ODZ; wieħed mill-aktar bordijiet importanti u sensittivi fl-Awtorita tal-Ippjanar.

Segwi l-kummenti kollha tal-Ministru hawnhekk:

https://www.facebook.com/NetNewsMalta/videos/547863533615891/