Internazzjonali

Ingilterra: Ir-Reġina ma tattendix għas-servizz tal-Ġublew f’St Paul’s Cathedral

The annual Clergy Support Trust Festival Service at St Paul's Cathedral, London. In its historic 367th year, the service celebrates the work of clergy and their families and the charity's support of their wellbeing. The world's oldest choral service brings together the cathedral choirs of St Paul's, Liverpool and Southwark Cathedrals. Picture date: Tuesday May 24, 2022. PA Photo. Photo credit should read: Aaron Chown/PA Wire

Ir-Reġina Eliżabetta  ma attendietx għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr li saret fil-Katidral ta’ Londra ddedikat lil San Pawl u li kienet fost l-avvenimenti prinċipali ta’ dawn l-erbat ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet tas-70 sena tar-Reġina bħala l-Kap tal-monarkija.

Il-festi għal dan il-Ġublew tal-Platinum, intant, irrankaw fil-belt kapitali u bnadi oħra tar-Renju Unit u fost rapporti li r-Reġina ma setgħetx tattendi għas-servizz fil-katidral għaliex ma ħassithiex komda wara li attendiet iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħamis b’konnessjoni mal-Ġublew storiku.

Intant, l-Arċisqof ta’ York, Richard Cottrell, waqt is-servizz, irringrazzja lir-Reġina għall-konsistenza tagħha bħala l-Kap tal-monarkija Britannika…Konsistenza, li, flimkien mad-dedikazzjoni kbira tagħha għal dan ir-rwol, għenitha biex isservi bħala simbolu għall-poplu għal għexieren ta’ snin u waqt li pajjiżha kien għaddej mir-riformi u bidliet kbar.

Preżenti għas-servizz f’St Paul’s Cathedral kien hemm il-membri l-oħra tal-Familja Rjali flimkien ma’ politiċi ewlenin, fosthom il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson. Magħhom ingħaqdu madwar 400 persuna prominenti flimkien ma’ voluntiera rinomati fid-diversi oqsma tal-pajjiż.

Minbarra l-Prinċep Charles, iben ir-Reġina u n-neputi tagħha, il-Prinċep William, attendew ukoll għas-servizz il-Prinċep Harry u martu Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex. Din kienet anki l-ewwel dehra pubbika f’sentejn għal Harry u Meghan li qegħdin jgħixu fl-Istati Uniti u wara li huma żammew profil baxx waqt il-festi tal-Ħamis fil-kapitali.

Ir-rapporti intant qalu li r-Reġina – li għandha 96 sena — segwiet is-servizz u l-aħħar avvenimenti tal-Ġublew fuq it-televiżjoni, hi u tistrieħ fil-Kastell ta’ Windsor.

Fl-aħħar sigħat ħarġu r-riżultati ta’ stħarriġ li juri li l-maġġoranza assoluta tal-Britanniċi għadhom favur li l-pajjiż ikollu monarkija. Fil-fatt, l-istħarriġ għal YouGov wera li 62 fil-mija tan-nies li wieġbu huma favur il-monarkija waqt li 22 fil-mija biss qalu li riedu Kap tal-Istat elett – b’16 fil-mija oħra jgħidu li huma indeċiżi.