Sport Sport Ieħor

Jitħabbru l-atleti tat-tim Nazzjonali Malti għall-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika

Tħabbru it-32 atleta li se jirrappreżentaw lit-tim Nazzjonali Malti għall-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika li se jsiru f’pajjiżna fil-11 ta’ Ġunju.

Is-selezzjoni tal-atleti tinkludi atleti żgħażagħ kif ukoll dawk ta’ esperjenza li se jkunu qed jikkompetu f’diversi dixxiplini fosthom fil-ġiri, fil-qbiż kif ukoll fit-tfigħ.

Fost is-16-il tim li se jkunu qed jipparteċipaw hemm il-Ġorġja, l-Armenja u l-Moldova li għandhom fi ħdanhom atleti ta’ kalibur li għamlu suċċess fil-Kampjonati Dinjija kif ukoll fl-Olimpjadi. Madwar 350 atleta mistennija jieħdu sehem d’din l-edizzjoni tas-CSSE.

Andy Grech, President ta’ Athletics Malta qal: “Ninsabu ferm kuntenti li nistgħu nsejħu lil dawn it-32 atleta biex jikkompetu ma’ talenti ta’ livell għoli f’dawn il-Kampjonati. Il-proċess li bih wasalna s’hawn ilu għaddej sentejn, meta waqqafna struttura moderna u professjonali għat-tim nazzjonali bl-għajnuna tal-kowċis ta’ esperjenza kbira f’pajjiżna taħt il-koordinazzjoni tad-Direttur Tekniku Mario Bonello”.

Għal dan l-avveniment se jattendu wkoll delegati internazzonali ta’ livell għoli fosthom Dobromir Karamarinov (President ta’ European Athletics), Libor Varhanik u Jean Garcia (Viċi Presidenti ta’ European Athletics) Dimakos Panagiotis (Membru tal-Kunsill ta’ European Athletics) kif ukoll Frank Carreras (President tal-Athletics Association of Small States of Europe – AASSE).

IT-TIM MALTI GĦAL KAMJONATI EWROPEJ TAL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR

NISA: Carla Scicluna (100, 200, Relay), Alessia Cristina (100), Charlotte Wingfield (200, Relay), Janet Richard (400, Relay), Martha Spiteri (400), Michela Caruana (800), Mireya Bugeja (800), Roberta Schembri (5000), Lisa Marie Bezzina (5000), Claire Azzopardi (Long Jump, Relay), Rachela Pace (Long Jump), Peppijna Dalli (Pole Vault), Sana Grillo (Pole Vault), Mireya Cassar (Hammer Throw), Antonella Chouhal (Hammer Throw, Discus), Mariah Zahra (Discus).

IRĠIEL: Beppe Grillo (100, 200, Relay), Luke Bezzina (100), Steve Camilleri (200, Relay), Luke Mizzi (400), Matthew Galea Soler (400, Relay), Ben Micallef (800, Relay), Christian Cassar (800), Dillon Cassar (5000), Luke Micallef (5000), Daniel Saliba (110H), Ian Grech (Long Jump), Jeremy Zammit (Long Jump), Nicolai Bonello (Pole Vault), Luca Martini (Hammer Throw), Bradley Mifsud (Discus) and Luke Farrugia (Discus).