Lokali

“L-aġir tal-Ministru wassal biex membri tal-Korp tal-Pulizija spiċċaw tilfu l-fiduċja fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu” – PN

Il-pożizzjoni li qed jieħu l-Ministru tal-Intern fuq il-kwisjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ fil-Konfront ta’ Iosif Galea qiegħda, aktar ma jgħaddi ż-żmien, issir waħda inkwetanti u u ta’ tħassib.

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtá u r-Riformi Joe Giglio. L-istqarrija tkompli tgħid li l-ewwel pożizzjoni li ħa kienet li tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija li nfurmah li l-kwistjoni kienet qed tiġi nvestigata. Dan qalu fil-Parlament waqt is-seduta ta’ nhar it-Tnejn 30 ta’ Mejju. 

Il-Partit Nazzjonalista sostna li dan ma kienx jagħmel sens għaliex kien jfisser li l-Kummissarju  kien ser ikun qed jinvestiga lilu nnifsu. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista nsista li jkun hemm inkjesta indipendenti minn Imħallef rtirat. Din il-pożizzjoni ġiet spjegata nhar il-31 ta Mejju.

L-għada filgħodu t-Times of Malta rrapurtat li kien ġie appuntat l-Imħallef irtirat Franco Depasquale biex, flimkien mal-Police Complaints Board li huwa jmexxi, jinvestiga dan il-każ. 

Filwaqt li din l-aħbar kienet pass tajjeb, pero il-Partit Nazzjonalista talab li jiġu ppublikati t-terms of reference u t-time frames biex b’hekk kulħadd jifhem eżattament jekk dan il-pass ‘il quddiem kienx wieħed tabilħaqq fid-direzzjoni t-tajba. Il-Ministru tal-Intern wieġeb permezz ta’ stqarrija nhar l-1 ta’ Ġunju fejn stqarr li l-istituzzjonijiet  għandhom jitħallew jaħdmu.

Li titlob li tara it-terms of reference pero ma kienx, skond kif qed jipprova jsostni l-Ministru, xi tentattiv biex ifixkel l-istituzzjonijiet, anzi bil-kontra. Kienet sejħa sabiex jiġi żgurat li effetivament qed jitħallew jahdmu u li dan il-Bord tabilħaqq qed jingħata l-għodda kollha meħtieħa biex jaħdem u jikxef il-veritá. 

Ġaladarba il-Ministru ma laqax din it-talba jfisser illi l-Imħallef Depasquale u l-Bord imsemmi huwa mxekkel biex jinvestiga kif suppost u dan minħabba ċerti restrizzjonijiet li jeżistu fil-liġi. Ifisser ukoll li l-Ministru qiegħed itellef ukoll il-possibilitá li d-daqqa li ħa l-Korp tal-Pulizija b’dan il-każ tiġi  ndirizzata b’mod li jagħmillu ġieh.

Minħabba li l-Ministru għazel li ma jippublikax t-terms of reference ser ikun hemm min ma jkollux fiduċja fix-xogħol ta dan il-Bord. Fost dawn ma hemm ħadd għajr il-Malta Police Union li ħarġet stqarrija propju fuq dawn il-linji. 

B’hekk l-aġir tal-Ministru wassal sabiex membri tal-Korp tal-Pulizija stess spiċċaw tilflu fiduċja fid-deiċiżonijiet li l-istess Ministru tagħhom qed jieħu u saħżansitra waslu biex iddikjaraw dan pubblikament. 

Is-sejħa għall-kooperazjoni mill-Oppożizzjoni tibqa’ hemm. Issa f’idejn il-Ministru.