Lokali Qorti

Mixli li fera gravi lil ħuh b’sikkina

Raġel minn Ħal Qormi ġie mixli li weġġa’ gravi lil ħuh wara li allegatament tah daqqa ta’ sikkina waqt argument fuq flixkun ilma. Ignazio Mifsud ta’ 58 sena tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-maġistrat Doreen Clarke il-Ġimgħa filgħodu, akkużat li attakka lil ħuh u li kkaġunalu ġrieħi gravi mingħajr intenzjoni li joqtlu.

L-inċident seħħ nhar l-Erbgħa filgħaxija bejn is-seba’ u t-tmienja, hekk kif iż-żewġt irġiel kienu qed jieklu. L-irġiel huwa mifhum li kellhom argument dwar flixkun ilma, li eskala sal-punt li wieħed mill-aħwa ntlaqat b’sikkina li kienet fuq il-mejda.

L-Avukat Roberta Bonello, li dehret bħala avukat difensur tal-akkużat, infurmat lill-Qorti li l-klijent tagħha kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi, iżda mhux se jitlob il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Il-Qorti għalhekk rdnat lir-raġel jinżamm arrestat u mponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma u ordnat ukoll lil Mifsud biex ma javviċinax jew jikkomunika ma’ ħuh, jekk eventwalment jingħata l-libertà proviżorja fi stadju aktar tard. L-Ispettur Eman Hayman mexxa l-prosekuzzjoni.