Il-Kumitat Olimpiku Malti din il-ġimgħa ospita d-disa’ Kumitati Olimpiċi li jiffurmaw parti mil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa qabel Malta tospita l-Logħob fl-2023.
Fl-2023, Malta qed tilqa ‘l fuq minn 1000 atleta li se jkunu qed jikkompetu fl-Atletika, Basketball, Ġudo, Rugby 7s, L-Ibburdjar l-Għawm, l-Isparar, Squash, Tennis, u Table Tennis.
Il-konvenzjoni ta’ tlett ijiem ġabret flimkien Presidenti u Segretarji Ġenerali tal-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali kollha għal-laqgħat, u diskussjonijiet. Ġie approvat ukoll il-programm sportiv finali għall-2023.
Id-delegati internazzjonali kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-Onor. Dr Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, li esprima l-impenn tiegħu lejn il-Logħob u s-suċċess tagħhom.
Il-Co-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv Lokali Mark Cutajar ippreżenta lill-Assemblea Ġenerali rapport ta’ progress, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol li qed isir fil-faċilitajiet sportivi, li huma ferm qabel iż-żmien skedat.
Qabel l-Assemblea Ġenerali, sar workshop ta’ jumejn f’Malta li kien iffukat fuq il-futur tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fost suġġetti oħra. Inqalgħet diskussjoni tajba dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jiġi salvagwardjat il-futur ta’ dawn il-Logħob kif ukoll il-proposta ta’ xi bidliet li l-NOCs ħassew li kienu meħtieġa.
“Dawn il-jiem li għaddew kienu kruċjali għal Malta u l-Logħob fl-2023. Id-diskussjonijiet kordjali li saru kienu ta’ frott u ninsabu soddisfatti mill-kummenti li rċevejna dwar il-programm u l-faċilitajiet li se jkunu disponibbli għall-atleti u d-delegazzjonijiet fl-2023. Dan żgur li jawgura tajjeb għal Malta” irrimarka Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti u Chairman tal-Logħob Malta 2023.
Fl-istess ħin saret laqgħa tal-Kummissjoni Teknika, fejn id-Diretturi tal-Isport kollha ddiskutew il-programm propost li ser isir f’Malta. Saret ukoll żjara fil-faċilitajiet li qed jiġu mħejjija u li ser jospitaw l-għaxar dixxiplini differenti.
//= $special ?>