Lokali Qorti

Raġel jiffranka l-ħabs wara li naqas iħallas il-manteniment minħabba problemi

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bidlet sentenza ta’ tliet xhur ħabs effettivi għal waħda ta’ libertà bil-kundizzjoni wara li fil-Qorti tal-Maġistrati huwa kien instab ħati li naqas milli jħallas il-manteniment ta’ ibnu skont kif stipulat fil-kuntratt mal-omm.

Il-missier talab lill-qorti tirriforma s-sentenza għax sostna li l-piena ta’ ħabs kienet esaġerata u ma kinitx fl-aħjar interess tiegħu u ta’ ibnu. Dan peress li kienet se tagħmilhielu aktar diffiċli biex iħallas il-manteniment dovut. Sostna li l-manteniment ma ħallsux għax ma riedx u b’kapriċċ, iżda minħabba ċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom.

Qal li fil-perjodu li naqas milli jaqdi dmiru, kien jieħu madwar 16-il pillola mediċinali kuljum minħabba l-marda tad-dipressjoni. Wara ħafna sforzi u għajnuna jinsab f’pożizzjoni aħjar u aktar minn qabel jista’ jħares l-obbligi tiegħu. Ingħad iżda li l-fatt li kien qed ikollu jitla’ l-Qorti ta’ spiss ma kinitx qed tagħmilielu faċli li jonora l-obbligi tiegħu tal-impjieg.

Il-Qorti tal-Appell qieset il-fatt li l-missier għadda s-somma ta’ €1,650 f’manteniment għax-xhur ta’ April u Lulju 2020. Fl-istess waqt l-eks mara qalet li ma kellhiex pretensjonijiet oħra kontra l-akkużat fir-rigward ta’ din il-kawża u ma riditx li huwa jbati l-konsegwenzi.  Il-Qorti tal-Appell qalet li fiċ-ċirkostanzi ma tħossx li piena ta’ ħabs kienet l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.