Lokali Qorti

Sirjan mixli bi qtil ta’ konnazzjonali jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Maġistrat ordnat li raġel Sirjan akkużat bil-qtil ta’ konnazzjonali f’Għawdex jitpoġġa taħt att ta’ akkuża peress li ġie ddikjarat hemm biżżejjed provi biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tisma’ l-każ kontra raġel akkużat li ta daqqa ta’ sikkina f’qalbu lil Sirjan ieħor waqt ġlieda f’Marsalforn fis-7 ta’ Mejju.

Id-deċiżjoni ngħatat hekk kif il-kumpilazzjoni tal-provi kontra ċ-ċittadin Sirjan Maher Aljasem ta’ 24 sena residenti Marsalforn kompliet fil-qrati ta’ Għawdex. Aljasem jinsab akkużat li qatel lil Fawaz Najem ta’ 25 sena (ritratt) waqt konfront jaħraq bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani fid-dar tiegħu f’Marsalforn għall-ħabta tad-9pm.

L-avukat difensur Peter Fenech insista waqt sottomissjonijiet qabel id-digriet, li tal-klijent tiegħu kienet qed jiddeffendi lilu nniffsu u li ma kellu l-ebda każ xi jwieġeb. Qal li l-klijent tiegħu kien id-dar meta grupp ta’ Sirjani marru hemm biex joħolqu l-inkwiet.

“Maher kellu l-intenzjoni li joqtol jew kien sempliċement jiddefendi lilu nnifsu? Huwa ammetta mal-pulizija u qalilhom li kien qed jiddefendi ruħu mill-attakk, allura nemmnu li m’hemmx bażi biex il-każ ikompli,” huwa qal. L-Avukat Franco Debono irribatta li linja ta’ difiża bħal din kienet waħda li kellha tiġi kkunsidrata mill-ġurati waqt il-proċess.

Il-Qorti qablet ma’ din il-pożizzjoni, u qalet li hija kienet prekluża milli tiddeċiedi fuq il-merti tal-każ iżda kellha sempliċement tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet biex il-każ ikompli. Is-seduta tal-Ġimgħa ttieħdet kważi għal kollox mix-xhieda ta’ żewġ ċittadini Sirjani li kienu involuti fil-ġlieda li swiet ħajjet Fawaz.

Sulejman Hamdi spjega kif Fawaz ċemplulu dakinhar filgħodu biex jieħdu l-poliklinika minħabba li weġġa’ wara li kien involut fi ġlieda. Qal li ma qallux ma’ min iġġieled u lanqas min weġġgħu. Qal li aktar tard irċieva filmati tal-ġlieda fuq il-promenade ta’ Marsalforn.

Dakinhar filgħaxija, aċċetta li jmur jieħu kafè ma’ żewġ Sirjani oħra meta, f’daqqa waħda, inqalgħet kommossjoni għax Fawaz deher mal-art. Qal li ma rax il-ġlieda iżda nnota li Fawaz kellu ferita kerha f’rasu u kien qed iżomm żaqqu. “Kulma qalli kien li biex intellalu saqajh. Daħħalnih f’karozza u soqnieh sa l-isptar iżda miet fit-triq,” huwa qal.

Kazem Abdalla, Sirjan ieħor li kien involut direttament fil-ġlieda u kellu jiġi kkurat għall-ġrieħi, xehed ukoll. Spjega kif dakinhar kien qed jieħu kafè ma’ Fawaz u xi ħames ċittadini Sirjani oħra. Qal li Fawaz kien għadu rrabjat dwar il-ġlieda li kellu ma’ Maher aktar kmieni matul il-ġurnata u ried imur id-dar ta’ Maher biex isolvi l-affarijiet.

Abdalla qal li qallu biex ma jmurx id-dar ta’ Maher, biex jevita l-inkwiet. “Hu ma deherx nervuż. Telaq u madwar 30 minuta wara rajtu jħabbat il-bieb ta’ Maher u jargumenta ma’ Ahmed, li jgħix ma’ Maher. Rajt lil Ahmed jolqot lil Fawaz, jgħidlu biex joħroġ mid-dar u mbagħad daħal Maher u beda jattakka lil Fawaz b’siġġu.

Il-ġlieda kompliet f’sit ta’ kostruzzjoni bieb ma’ bieb,” huwa qal. Meta mistoqsi, Abdalla qal li ma rax is-sikkina għax kien dlam iżda saħaq li kellha tkun xi ħaġa li taqta’ peress li kellu bżonn l-ponti fuq spalltu u n-naħa t’isfel tad-dahar. Taħt kontro-eżami, Abdalla ċaħad li kien jifforma parti mill-grupp li mar għand Maher għal ġlieda u saħaq ukoll li ma kienx jaf lis-Sirjani l-oħra li nġabru fuq il-post.

L-avukati Peter Fenech, Elena Fenech u Amy Zahra kienu avukati difensuri. L-avukati Franco Debono, Deborah Camilleri u Matthew Xuereb dehru parte civile, f’isem il-familja tal-vittma. Il-każ ikompli f’Lulju.