Internazzjonali

Ukrajna: Il-Gwerra tagħlaq il-100 jum fost il-battalji fid-Donbas

Il-gwerra tal-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar, issa għalqet il-100 jum tagħha, bil-qawwiet tar-Russja qegħdin jippersistu bl-offensiva fuq ir-reġjun tad-Donbas fl-artijiet Ukreni tal-lvant…Dan ukoll meta l-President Russu Vladimir Putin għadu determinat daqs qatt qabel li jirrealizza l-ambizzjonijiet militari tiegħu minkejja li sfaxxawlu t-tamiet ta’ rebħa wara ftit jiem biss ta’ konflitt.

Iżda għalkemm il-qawwiet Russi qed jirnexxilhom jokkupaw numru ta’ artijiet, ir-reżistenza tal-Ukreni baqgħet qalbiena u effettiva – anki jekk xi osservaturi ma jeskludux li r-Russi kapaċi jokkupaw il-belt sħiħa ta’ Severodonetsk sal-aħħar tal-ġimgħa,

Il-belt ta’ Severodonetsk, fil-lvant tal-Ukrajna, għandha importanza kbira strateġika għaliex jekk taqa’ f’idejn ir-Russi, il-qawwiet tal-Kremlin ikunu ħadu l-kontroll fi kważi l-artijiet kollha tar-reġjun Ukren ta’ Luhansk – u li Putin, qabel l-invażjoni, kien iddikjarah bħala ‘Repubblika leali għal Moska’.

Fl-aħħar sigħat baqgħu għaddejjin il-battalji ħorox f’Severodonetsk li hi fil-parti kbira kontrollata mill-qawwiet ta’ Putin u fejn ir-residenti ċivili qegħdin jiffaċċjaw kalvarju simili għal dak li sofrew l-Ukreni li kienu qed jgħixu fl-ibliet ta’ Mariupol, Kharkiv u Bucha.

Intant, l-osservaturi mhumiex jeskludu li, ‘il quddiem, ifeġġu l-provi ta’ aktar reati kontra l-bniedem fl-inħawi ta’ Severodonetsk u meta aktar truppi tal-Kremlin qed ikunu akkużati dwar atroċitajiet fil-konfront tal-poplu ċivili Ukren.

Iżda dan kollu mhux qed jaqta’ qalb l-Ukreni li huma determinati biex, akkost ta’ kollox, jiddefendu arthom, il-kultura u l-identità tagħhom bħala poplu.