Ħarġu kollha qawwijin u sħaħ il-11-il persuna li kienu preżenti fil-Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu tal-Mosta, li sploda għall-ħabta tat-3:00pm. Madankollu, żewġ persuni sofrew feriti u kellhom jittieħdu b’urġenza l-isptar Mater Dei meta wieħed weġġa’ jdejħ u ieħor waqa sular għoli kawża tal-isplużjoni.
Il-binja tinsab fil-limiti tad-Dwejra u fil-post, marru immedjatament diversi timijiet mediċi b’Ambulanzi biex tingħata l-ewwel għajnuna, kif ukoll membri tal-protezzjoni ċivili u diversi forzi tal-ordni fejn skattat ħidma intensiva.
Minn informazzjoni li kiseb NET News, jirriżulta li l-isplużjoni aktarx li seħħet wara li għalqa bil-qamħ fil-viċin ħadet in-nar, li nfirex lejn il-Kumpless tan-Nar. Aktarx ukoll li dan in-nar kien it-twissija li wasslet lill-persuni li kienu fil-Kumpless biex joħorġu jgħaġġlu ‘l barra. Residenti fil-qrib qalu lil NET News li n-nar infirex fl-għelieqi tal-madwar u mex lejn il-kumpless tan-nar fejn fuq barra tiegħu kien hemm xi murtali li ħadu u li susseggwentament ikkawżaw l-isplużjoni fil-kmamar tan-nar.
Madwar 40 minuta wara l-ewwel splużjoni, seħħet splużjoni qawwija oħra fil-post, fost biża’ għal saħħet ħaddiema ta’ salvataġġ li kienu qed jaħdmu fil-qrib. Iżda fortunatament, ħadd minn dawn il-ħaddiema ma weġġa’.
Fost dawk li marru fil-post kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li sellem u rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija, lit-timijiet mediċi u lill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għall-ħidma intensiva tagħhom. Bernard Grech tkellem mal-membri tal-familja tal-persuni li kienu qed jaħdmu fil-kumpless fil-ħin tal-isplużjoni. Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius (ritratt isfel).
Il-binja ta’ dan il-Kumpless tan-Nar hi relattivament ġdida, hekk kif diġà splodiet 12-il sena ilu, fejn persuna kienet tilfet ħajjitha.
Dwar dan il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.




