Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici jipprova jiddefendi l-manuvri fix-Xandir tal-Istat

Skont il-Ministru Owen Bonnici, ix-Xandir tal-Istat qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna u ċerta kritika li ssirlu hi inġusta.

Hekk qal il-Ministru, responsabbli fost oħrajn mill-PBS, waqt li kien intervistat minn Andrew Azzopardi fuq Radju 103, fejn anke pprova jbenġel il-kritika dwar kemm ix-Xandir tal-Istat hu imparzjali

Kemm ilu l-Labour fil-Gvern, ix-Xandir tal-Istat kien ikkritikat minn diversi setturi għal għadd ta’ deċiżjonijiet partiġġjani li ttieħdu biex ikun aġevolat il-Labour.

Fost l-oħrajn, il-Kamra tal-Aħbarijjiet ma rrapportat xejn dwar skandli politiċi fil-Gvern Laburista jew attivitajiet ta’ għaqdiet li jwasslu messaġġ ta’ kritika kontra l-Gvern. U l-PBS, saħansitra, spiċċa anke ċċensura kliem il-Papa Franġisku meta tkellem dwar il-korruzzjoni.

Barra minhekk, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti bħal Xarabank qalgħu d-daqqa tal-mannara mill-Gvern u ma tħallewx ikomplu jixxandru, minkejja li f’dan il-każ kien l-aktar programm segwit għal diversi snin u li qatt ma nstab ħati ta’ żbilanċ.

Dwar dan, il-Ministru Owen Bonnici ma ħassux komdu jiddefendi lill-Prim Ministru tiegħu li, kienu ilu jrid iqaċċat Xarabank saħansitra sa minn qabel kien għadu laħaq Leader tal-Labour. Iżda skomdu dwar dan kollu, il-Ministru Owen Bonnici qal biss li hu mhux se jindaħal fl-iskeda li tmiss.

Mistoqsi dwar battibekki kbar li hemm fil-PBS bejn iċ-Chairman Eżekuttv tal-kumpanija u l-Kap tal-Aħbarijiet Norma Saliba – battibekki li qed jaffettwaw anke l-ħidma tal-ġurnalisti tax-Xandir tal-Istat – Owen Bonnici qal li mhux konxju b’dan, filwaqt li għażel li la jinten u lanqas ifuħ meta qal li t-tnejn huma kompetenti ħafna.

Sadanittant, bħala l-Ministru responsabbli wkoll mill-Kultura, matul il-programm Owen Bonnici rrikonoxxa li l-Gvern għadu lura mill-wegħda li kien għamel mad-dilettanti tal-Karnival li jiddedika zona għalihom meta ammetta li l-proċess għaddej bil-mod ħafna, filwaqt li stqarr li jridu jagħfus l-gass!