Il-livell tal-għoli tal-ħajja issa laħaq rekord għal dawn l-aħħar ħames snin. U dan kien konfermat mill-aħħar Rapporti illi ġew ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Meta wieħed iħares lejn dak li qed jiġri fl-isfera internazzjonali, u meta wieħed jikkonsidra x-xejriet tal-aħħar xhur, jidher li din il-pjaga se tkompli tkun ta’ uġigħ ta’ ras għal ħafna familji Maltin u Għawdxin.
Rapport tal-Bank Ċentrali, jindika illi l-Indiċi tal-Prezzijiet żdied minn 0.7 fil-mija f’Settembru, għal 2.6 fil-mija f’Diċembru li għadda. Rapport ieħor juri li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 5.7% f’April ….minn 4.4% li kienet ix-xahar ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur żdiedet bi kważi 1%… minn 4.5% fix-xahar ta’ Marzu għal 5.4% f’April.
Dawn ic-cifri ikomplu jikkonfermaw kemm qed tgholli rasha l-inflazzjoni. Quddiem dan kollu, il-Gvern Laburista mhux qed joffri ħafna soluzzjonijiet ġaladarba din il-problema tal-għoli tal-ħajja tkompli tikber.
Dawn kienu l-kummenti tal-Ministru Aaron Farrugia meta mistoqsi x’ser jagħmel il-Gvern jekk kollox jibqa jgħola bl-istess rata u jekk il-piż fuq il-familji jibqa jikber: “Hemm mudell ekonomiku illi jirrifletti l-għoli tal-ħajja. L-imsieħba soċjali flimkien mal-Gvern qablu dwar dan il-mudell ekonomiku u kull sena dak jirrispekkja l-għoli tal-ħajja li jkun hemm sena wara oħra. Ovjament ninsabu f’ċirkostanzi straordinarji u allura jeħtieġ miżuri straordinarji.”
Dan il-mudell ekonomiku li semma’ l-Ministru huwa l-istess wieħed li minnu, fl-aħħar Budget, il-ħaddiema ingħataw żieda ta’ 1.75. Żieda li ħafna jaqblu li ma kienet biżżejjed wara sentejn ta’ Pandemija, aħseb u ara issa bil-Gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Kien għalhekk li staqsejna lil Aaron Farrugia jekk jaħsibx li din iż-żieda, dan il-mekkaniżmu, hux se jkun biżżejjed, quddiem dak kollu li qed naraw jiġri fil-prezzijiet. Il-Ministru wieġeb hekk: “Kif qal il-kollega tiegħi l-Ministru Clyde Caruana, il-Gvern se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex jibqa jassorbi hu flok il-poplu Malti d-daqqa li ħadna permezz tal-gwerra fl-Ukrajna.” Kien hawnhekk fejn tlabna lill-Ministru jtina dettalji dwar kif se jagħmel dan fejn ingħatajna risposta li dan se jsir “kif diġa qed nagħmlu.” Risposta simili ħafna bħal ta’ membri oħrajn fl-istess Kabinett ta’ Robert Abela. Kliem sabiħ, mingħajr ebda dettalji, li ma jassigurax li l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu iserrħu rashom.
//= $special ?>