Internazzjonali

L-Ukrajna tirkupra 20% ta’ Severodonetsk

Il-gvernatur tar-reġjun tal-Lvant ta’ Luhansk ikkonferma li l-forzi Russi qed jisplodu pontijiet qrib il-belt strateġika ta’ Severodonetsk biex iwaqqfu r-rinforzi Ukreni milli jersqu viċin il-battalja li kompliet tiħrax f’din il-belt.

Meta kien qed jikkummenta dwar dak li ġara matul il-jum tas-Sibt, Serhiy Haidai qal li l-qawwiet Russi qed jiffaċċjaw “telf kbir” f’Severodonetsk. Dan kontra kull mistenni hekk kif fl-aħħar jiem kien rappurtat li preċedentement ir-Russi kellhom il-kontroll ta’ 70% tal-belt.

Severodonetsk u Lysychansk huma stabbiliti fuq kull naħa tax-xmara Siverskyi Donets u għalhekk ingħataw importanza kbira matul din il-Gwerra, bis-sitwazzjoni mistennija tkompli tiżviluppa minn ħin għal ħin.

Fost dan kollu, fl-aħħar sigħat, it-truppi Ukeni reġgħu ħatfu parti mill-belt ta’ Severodonetsk fejn reġgħu ħadu 20% tat-territorju li kienu tilfu f’din il-belt.

Intant, ir-Russja tinsab viċin li tieħu kontroll assolut ta’ Luhansk, wieħed miż-żewġ reġjuni tan-Nofsinhar tal-Ukrajna li jiffurmaw parti miż-żona tad-Donbas.

Fl-aħħar sigħat, r-Russja rrapurtat li l-forzi tagħha waqqgħu ajruplan militari Ukren li kien qed iġorr armi u munizzjon qrib il-port ta’ Odesa.