Fl-ewwel żewġ logħbiet mill-EuroHockey Challenge li qed isir fit-Turkija, Qormi Daikin rebħu l-ewwel logħba fil-kumpless tal-hockey f’Kirklareli meta għelbu lil HC Klippari tal-Fillandja 3-2, filwaqt li fit-tieni logħba sfaw megħluba 1-0 kontra Nizip Zuegma tat-Turkija.
Fl-ewwel logħba t-tim immexxi minn Andre Ghio kellu wirja kollettiva fejn dejjem kien fil-vantaġġ u għalkemm l-avversarji bdew jagħfsu għall-gowl tad-dro fl-aħħar quarter, id-difiża Maltija għarfet iżżomm sod sabiex ħarġet bl-ewwel rebħa minn din il-kompetizzjoni. Il-gowls tal-Maltin waslu minn Keith Bajada, Steve Tanti u Juan Sarcia.
Fit-tieni logħba gowl uniku fl-ewwel quarter skorjat minn Muslum Elagoz kien biżżejjed sabiex it-tim ospitu ta’ Nizip Zeugma Sk jegħleb lil Qormi Daikin . Kienet partita missielta fejn it-tim Tork kien determinat sabiex jikseb l-ewwel punti tiegħu f’din il-kompetizzjoni. Min-naħa tagħhom, Qormi taw qalbhom f’din il-partita u kienu ferm żvinturati li ma ġabux l-iskor indaqs. Qormi jkunu fl-azzjoni fil-finali nhar it-Tnejn sabiex jiġi determinat fejn se jsibu posthom f’dan it-turnament.
//= $special ?>