Tressaq il-Qorti l-Ispanjol li daħal f’ristorant f’San Ġiljan u allegatament beda jattakka lin-nies. Gonzalo-Noel Sanchez Fernandez, ta’ 38 sena, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella b’diversi reati, fosthom li ħebb għal erba’ persuni, kollha barranin, u li kkaġuna ħsara f’żewġ vetturi, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
Fernandez, li kellu feriti viżibbli f’wiċċu u fi jdejh, wieġeb mhux ħati. Fil-Qorti ngħad li jieħu mediċina għas-saħħa mentali, kif ukoll li hu kien ħa d-droga u xorob l-alkoħol meta seħħ il-każ. L-Avukat David Bonello, li deher għall-Ispanjol, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, iżda talab li jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-Maġistrat Vella laqgħet din it-talba.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Jean Paul Attard. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li r-raġel attakka lin-nies b’sikkina u flixkun tal-ħġieġ li kienu fuq mejda, bil-membri tal-Korp kellhom jużaw it-taser biex iwaqqfuh milli jkompli jkun aggressiv.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat daħal fir-ristorant għall-ħabta tal-10.30pm u allegatament qabad is-sikkina u l-flixkun tal-ħġieġ minn fuq mejda biex iħebb għall-klijenti.
//= $special ?>