“Determinat li l-fiduċja li rċevejt fl-elezzjoni għall-konferma ta’ Kap tal-Partit, indawwarha f’iktar ħidma għall-ġid tal-Partit”. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu kien intervistat mill-ġurnalist Dione Borg.
Ġimgħa wara l-vot qawwi li Bernard Grech irċieva fl-elezzjoni ta’ konferma bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, huwa qal li din il-konferma ġġib magħa numru ta’ responsabbiltajiet u deċiżjonijiet. Saħaq li dan il-vot kien sinifikattiv għax ikompli juri li dan il-Partit għandu kunsillieri attivi ferm biex jieħdu sehem fi proċess demokratiku.
Bernard Grech qal li l-ħidma tkompli wkoll barra, flimkien man-nies fosthom permez ta’ numru ta’ laqgħat li kellu ma’ diversi nies li jagħmlu parti mill-Partit Nazzjonalista. Saħaq li se jkun qed iżur il-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawde biex il-Partit ikompli jsir partit tan-nies filwaqt li jibqa’ jaħdem man-nies.
Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Kap tal-PN Bernard Grech ħa sehem fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Rotterdam li matulu kompla jwassal is-solidarjeta tiegħu u tal-poplu Malti mal-poplu Ukren, filwaqt li saret diskussjoni wiesa’ ma’ numru ta’ Mexxejja ta’ Partiti oħrajn sabiex finalment ikomplu jaħdmu sabiex ikollna Unjoni Ewropea aħjar u iktar b’saħħitha.

Huwa tkellem ukoll dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja li aktar ma jgħaddi żmien, iktar qed taffettwa u tolqot lill-familji u lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Bernard Grech qal li l-għafsa tal-għoli tal-ħajja mhux taffettwa biss lil dawk li għandhom il-minimum wage, iżda lil kulħadd… bil-Gvern għandi jaħdem sabiex tittaffa din il-problema.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern għandu wkoll jaħdem iktar fejn tidħol is-saħħa mentali… Gvern li ilu jwiegħed li se jibni sptar mentali ġdid iżda s’issa għadu ma sar xejn.
Bernard Grech qal li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhumiex jaħdmu kif suppost fosthom il-Korp tal-Pulizija… li t-tmexxija tal-Kummissarju Angelo Gafa, qed tkompli twassal biex tonqos il-fiduċja fil-Korp… bħalma ġara fil-każ ta’ Iosif Galea u Ryan Schembri.
Mistoqsi dwar il-ħidma Parlamentari li qed jagħmlu d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li din il-ħidma qed twassal biex jinkixfu ċerti nuqqasijiet li qed isiru minn esponenti tal-Gvern Laburista.
Bernard Grech fakkar fil-Maratona ġbir ta’ fondi li se tkun organizzata mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li ġej… maratona li se tgħin sabiex ikun hemm sostenn finanzjarju min-naħa tal-poplu… sostenn li se jkompli jgħin sabiex dan il-partit ikompli jiġġedded u jissaħħaħ.