Knisja Lokali

Iċċelebrata quddiesa fl-okkażjoni tal-Għid il-Ħamsin

Matul il-jum tal-Ħadd, il-Knisja Kattolika ċċelebrat il-festa tal-Għid il-Ħamsin, festa li hija solennità kbira fis-Sena Liturġika tal-Knisja; u aktarx ikkunsidrata bħala it-tieni l-ikbar festa wara l-Għid il-Kbir.

Għal din l-okkażjoni, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna iċċelebra Quddiesa fejn matulha, numru ta’ adolexxenti irċievew is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof .

Is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof huwa wieħed mit-tliet sagramenti tal-inizjazzjoni fil-ħajja nisranija – sagrament li jissejjah “konfermazzjoni” għax jikkonferma u jwettaq il-grazzja tal-magħmudija.

Fil-Jum tal-festa ta’ Pentekoste,  li timmarka l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli,  l-Arċisqof saħaq li bħala difensur ta’ Alla, l-ispirtu s-santu għandu jagħtina l-għarfien u jurina d-dawl sabiex nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin u jservi ta’ gwida fil-ħajja tagħna.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna wassal messaġġ ta’ faraġ u tama  lil dawk kollha li qed ibatu minn dubji u minn nuqqas ta’ gwida f’ħajjithom.