Il-belt ta’ Kiev – il-kapitali tal-Ukrajna – fl-aħħar sigħat għaddiet minn sensiela ta’ splużjonijiet, waqt li l-Armata tar-Russja kienet qed tmexxi bl-ewwel attakk fuq l-inħawi għal ġimgħat sħaħ.
Fl-aħħar sigħat ukoll, ir-Russi qalu li l-bumbardamenti laqtu ‘tankijiet tal-gwerra li l-Punent kien ipprovda lill-Ukreni’ – bil-kummenti jingħataw waqt li kienu telgħin dħaħen kbar minn zoni partikulari tal-kapitali Ukrena.
Il-belt ta’ Kiev kienet damet pjuttost kwieta għal ġimgħat – bil-ħajja hemmhekk pjuttost tirritorna għan-normal – minħabba li l-qawwiet Russi, bħalissa, qed jikkonċentraw din il-fażi tal-invażjoni fuq ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u li jinkorpora anki r-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk..
Sadanittant, baqgħu għaddejjin il-battalji għall-kontroll tad-Donbas, bil-konflitt jiħrax f’ Severodonetsk – belt ewlenija li l-parti kbira tagħha hi diġà okkupata mill-qawwiet tal-Kremlin.
Is-sitwazzjoni – skont il-President Ukren Volodymyr Zelensky – baqgħet ‘diffiċli għall-aħħar għat-truppi Ukreni f’dik il-belt’ u meta kienu għaddejjin il-battalji feroċi minn triq għall-oħra.
Jekk ir-Russi jaħtfu kontroll sħiħ f’Severodonetsk ikunu garantiti wkoll mill-kontroll tar-reġjun sħiħ ta’ Luhansk. Dan meta l-alleati separatisti ta’ Moska qed jokkupaw ukoll il-parti kbira tal-artijiet tad-Donetsk fil-viċin.
Iżda għalkemm l-inħawi ta’ Severodonetsk u l-ibliet Ukreni l-oħra fir-reġjuni tal-Lvant komplew iġarrbu l-qilla tal-bumbardamenti tar-Russi, kien hemm ukoll indikazzjonijiet li l-qawwiet tal-Ukrajna kienu għadhom qed jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom b’mod effettiv. Dan minkejja x-xita tal-missili fuq l-inħawi – bil-qawwiet tal-ajru ta’ Moska wkoll jippersistu bl-attakki fuq Severodonetsk,
Il-ġlied, sallum. ħalla lill-parti kbira nett ta’ Severodonetsk f’qerda assoluta, bl-eluf ta’ ċivili qed ikollhom ifittxu kenn qalb il-kantini tal-bini u f’numru ta’ xelters.
Dan fost rapporti li r-Russi qegħdin itajjru numru ta’ pontijiet biex jagħmluha impossibbli għall-Gvern Ukren biex iwassal ir-reinforzi lejn din il-belt u l-madwar. F’din is-sitwazzjoni sar anki diffiċli ferm li l-għajnuna tasal liċ-ċivili f’Severodonetsk.
//= $special ?>