Lokali Parlament

Il-Parlament Malti b’nefqa ta’ kważi miljun u nofs fis-sena

Il-Parlament il-ġdid ta’ Malta għandu total rekord ta’ 79 deputat, rekord li iżda qed jiswa lill-poplu Malti mill-inqas €1,460,819 fis-sena.

Permezz tal-mekkaniżmu tal-kwoti tal-ġeneri, li ġie mgħoddi f’liġi ftit aktar minn sena ilu, ġew eletti 12-il deputat mara oħra fil-Parlament. B’hekk, issa, il-Parlament Malti għandu 22 deputat mara, fosthom 10 li ġew eletti permezz tal-proċess elettorali normali.

Il-gazzetta The Malta Independent qalet li l-Prim Ministru Robert Abela għandu pakkett annwali ta’ madwar €65,941, li jinkludi salarju ta’ €59,667 ibbażat fuq 125% ta’ Skala 1 u allowance ta’ €441 u duty allowance ta’ €5,823.

Il-Ministri jaqilgħu salarju totali annwali ta’ €52,516. (110% tal-iskala ta’ salarju Grad 1), flimkien ma’ allowance ta’ €5,823 u allowance addizzjonali ta’ €380. Dan iġib is-salarju minimu totali għal ministru wieħed sa €58,719 u b’hekk l-ispejjeż totali għat-18-il ministru kollha tlaħħaq il-€1,056,945.

Dawn il-kalkoli ma jinkludux salarji addizzjonali li jingħataw lill-ministri li huma wkoll chairpersons ta’ kumitati parlamentari.

Il-pagi tas-segretarji parlamentari huma ta’ minimu ta’ €50,129. Din il-pożizzjoni tiġi wkoll b’€5,823 addizzjonali u allowance fi flus kontanti ta’ €370, li jagħmlu t-total għal kull individwu ta’ €56,322. Dan iġib it-total minimu għas-sitt segretarji parlamentari attwali sa €337,932.

Dawn iċ-ċifri ma jinkludux il-ħaddiema tal-ministeri, bħal membri tas-segretarjat privat tal-ministri, li jinkludu kelliema u assistenti personali.

Intqal li b’25 membru, il-Kabinett attwali ta’ Robert Abela huwa kemxejn iżgħar minn dak preċedenti tiegħu (26 membru), iżda għadu ferm akbar mill-Kabinetti ta’ qabel.

Intant l-onorarja għall-Membri Parlamentari bħalissa hija dik ta’ €23,871. Mid-79 Membru Parlamentari, 54 jirċievu l-onorarju, li jammonta għal total ta’ €1,289,034. Is-salarju tal-Ispeaker huwa stabbilit għal 105% ta’ Skala 1, jiġifieri €50,129, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaqla’ salarju ta’ Skala 1, €47,742.