Hekk kif fil-5 ta’ Ġunju jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent, l-ghaqda Nature Trust qed tappella lill-pubbliku u lill-awtoritajiet sabiex flimkien jaħdmu id f’id biex b’mod attiv jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat f’pajjiżna, fejn il-maġġoranża tiegħu jispiċċa fl-ibħra Maltin – skart li qed iħalli effett negattiv fuq it-tibdil fil-klima.
Nature Trust fakkret kif ta’ kull sena, numru ta’ annimali tal-baħar bħal fkieren, dniefel, għasafar tal-baħar u annimali oħra jispiċċaw mejta jew feruti minħabba skart li jiġi mormi fil-baħar, bħal fdalijiet tal-plastik u ‘ghost nets’ li jżommu f’wiċċ l-ilma jew jiġu mgħarrqa.
Għalkemm Nature Trust u NGOs oħra ilhom snin jippruvaw jedukaw lill-pubbliku rigward il-problema tat-tniġġiż mill-plastik fl-ibħra madwar id-dinja, in-numru ta’ fkieren li jinstabu mejta minħabba din il-problema qed jiżdied kull sena.
Din il-problema qed tikkawża danni kbar lis-sistemi ekoloġiċi fil-baħar, u l-produzzjoni tal-ikel. Għalhekk fil-Jum ddedikat għall ambjent, Nature Trust qed isejjaħ għal iktar għarfien dwar it-tniġġiż mill-skart u mill-plastik fl-ibħra madwar id-dinja.
Minbarra t-tniġġis tal-baħar, Nature Trust tfakkar ukoll kif il-wirt naturali ta’ pajjiżna qed jiġi mhedded kontinwament mit-Tibdil fil-Klima peress li t-temperatura ambjentali qed tiżdied u se tilhaq 1.5C ogħla min-normal fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant Nature Trust qed tinsisti fuq il-bżonn li kull individwu jagħti s-sehem tiegħu għaliex kull qatra tgħodd, u jekk kulħadd jaħdem id f’id nkunu qegħdin nisalvagwardjaw is-saħħa tal-ġenerazzjonijiet futuri u l-wirt naturali tagħna ….li huwa tant fraġli.