Angelo Gafà għadu jrid tassew iwettaq dak li qal meta kien laħaq Kummissarju tal-Pulizija, fejn qal li l-ebda isem ma jimpresjonah u li mhu se jibża’ minn ħadd.
Dan qalu l-Editorjal tat-Times of Malta fid-dawl tal-każ serju ta’ Iosif Galea, fejn komplew joħorġu aktar żviluppi xokkanti li l-awtoritajiet Maltin bażikament ma tawx każ mandat ta’ arrest Ġermaniż li kien ħareġ fil-konfront ta’ Iosif Galea kważi sena ilu.
Huwa kien arrestat waqt btala fl-Italja x-xahar li għadda fejn miegħu kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. It-Times qalet li l-pulizija Maltija kienet irċeviet avviż tal-European Arrest Warrant għal Galea f’Mejju tas-sena l-oħra.. iżda jidher li ma ħadet ebda azzjoni.
L-Editorjal kompla jgħid li pajjiżna għadu qed jittama u jitlob biex il-kultura tal-impunità, imrawma taħt l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ma tibqax tirrenja.
L-analizi tal-editur stqarret li l-pulizija f’Malta naqset milli taqbad il-barri minn qrunu f’dan il-każ u mhux talli hekk, talli l-Avukat Ġenerali s’issa għadha ma pprovdietx lill-pulizija Maltija l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex jarrestaw lil Galea.
Hawnhekk l-editorjal saqsa jekk xi ħadd jistax iserraħ ras il-poplu li f’dan il-każ ma kinx hemm indħil politiku.
It-Times kompliet li Galea, li kien jaħdem mal-Awtorità Maltija tal-Gaming, l-ewwel ingħata l-barka li jista’ jsiefer, u wara ġie pinġut li huwa qed jaħrab mill-Pulizija.
Dan il-każ iqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar kif il-Pulzija ħalliet lil dan ir-raġel jivvjaġġa minkejja li kellu mandat ta’ arrest – mistoqsijiet li jitfgħu dell ikrah fuq it-tmexxija tal-Korp, u fuq Angelo Gafà.
Dwar dan il-każ, fl-aħħar jiem tkellmet b’mod ċar u dirett anke l-Union tal-Pulizija. Fi kliemha stess, il-Union qalet li l-investigazzjoni li bdew il-Ministru responsabbli Byron Camilleri u l-Kummissarju Angeli Gafà ma tfisser xejn, u għalhekk huma talbu li ssir inkjesta li tkun tassew indipendenti.
//= $special ?>