Lokali

L-arrest tal-imfittex Iosif Galea f’Cellino San Marco fil-Belt ta’ Brindisi

Sorsi infurmati fil-jiem li għaddew żvelaw ma’ Il-Mument li aktar kmieni dan ix-xahar membru fit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija kienet taf bil-Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-Pulizija Ġermaniża fil-konfront ta’ Iosif Galea, iżda bil-fomm ordnat biex ma jiddaħħal xejn fis-sistema PIRS tal-Pulizija stess.

Dan ifisser li fis-sistema PIRS imferrxa mad-diversi fergħat u anki fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, meta jitfaċċa isem Iosif Galea ma tinxtegħel l-ebda bozza ħamra. Dan wassal biex allura Iosif Galea seta’ joħroġ minn Malta għall-party organizzat għal għeluq snin Michelle Muscat, mart l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li kien se jkun organizzat fit-tenuta famuża tal-kantant Albano Carrisi.

Għal dak il-party partikulari kienu mistennija jattendu għadd ġmielu ta’ ħbieb ta’ Joseph Muscat u Michelle Muscat… liema party kien mistenni li jiġi jiswa għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Sakemm il-Pulizija Taljana intervjeniet u għamlet l-arrest ta’ Iosif Galea u s-sieħba tiegħu, b’Joseph Muscat jaħsel idejh immedjatament u jgħid li hu qatt ma kellu l-ebda relazzjoni professjonali jew ta’ negozju mal-istess Iosif Galea li ilu mfittex fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew sa mis-sena l-oħra u l-Pulizija Maltija qatt ma għamlet xejn!

Issa li nqabdet fuq sieq waħda, it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija – din id-darba direttament il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà – qal li skattat investigazzjoni interna u skont is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument kollox jindika li t-tort għal dan il-falliment gravi se jintefa’ fuq Spettur partikulari!

Fil-fatt sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li diversi fil-Korp tal-Pulizija huma mħassba dwar dawn il-manuvri moqżieża mit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija li flok ma jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jammettu li għattew lil Iosif Galea, se jippruvaw jitfgħu kollox fuq iż-żgħir.

Dan jistogħna tassew meta f’din l-istorja kollha kien “iż-żgħir” li numru ta’ jiem qabel is-safra ta’ Iosif Galea, ġibed l-attenzjoni tas-Sirene Bureau dwar is-safra ta’ Iosif Galea… u naturalment għamel hekk biex jittieħdu l-passi meħtieġa!

Hu sigriet magħruf li fil-Korp tal-Pulizija bħalissa jeżisti tħassib fost ħafna hekk kif saru jafu li permezz tal-investigazzjoni interna nofs kedda li qed issir fuq il-każ ta’ Iosif Galea, intgħażlu erba’ pulizija biex fuqhom tintefa’ l-ħtija għal dan l-iskandlu.

Jirriżulta li l-vittmi tas-sagrifiċċju li qed jissemmew huma Assistent Kummissarju, Supretendent u żewġ Spetturi.

Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li hu ċar li għaddej eżerċizzju biex kemm jista’ jkun malajr it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija taħsel idejha minn dan l-iskandlu li qed ikompli jħammar wiċċ il-Korp tal-Pulizija Malti.

Dan kollu meta għal dan l-iskandlu għandhom iwieġbu l-Ministru Byron Camilleri, il-Kummissarju tal-Pulizja Angelo Gafà u  d-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo.

Kollox jindika li Iosif Galea qed ikun aġevolat u protett minn Kastilja, għaliex l-istess Iosif Galea jaf wisq fuq ċerti nies influwenti u għandu informazzjoni sensittiva li tista’ tikkomprometti l-istil ta’ ħajja li qed jgħixu ċerti nies, fosthom ukoll eks membri tal-Kabinett, membri attwali tal-Kabinett u persuni oħrajn li kienu jew għadhom jokkupaw karigi sensittivi.

Bla dubju ta’ xejn li l-arrest mill-Pulizija Taljana tal-imfittex Iosif Galea – li kellu ħruġ ta’ Mandat Ewropew għall-Arrest tiegħu mill-Pulizija Ġermaniża u sussegwentement anki talba għall-arrest tiegħu mill-Pulizija Maltija –  fetaħ pandorax box sħiħa kemm fil-konfront tal-Pulizija Maltija u l-mod kif qed isiru l-investigazzjonijiet, iżda wkoll fuq il-Gvern Malti li f’għajnejn stati Ewropej oħrajn qiegħed dejjem jitlef punti importanti għar-rigward kemm tal-kredibbiltà u anki ta’ reputazzjoni.

Fil-Parlament nhar it-Tnejn filgħaxija, il-Ministru Byron Camilleri deher imbarazzat bl-aktar mod ċar u pponta s-swaba’ tiegħu fil-konfront tal-abbiltajiet tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li xejn ma ħa gost kif il-Ministru Byron Camilleri ddevja l-attenzjoni għal fuqu.

Qal fil-Parlament li talab spjega mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija li min-naħa tiegħu qallu li kien skatta investigazzjoni interna biex jara għaliex Iosif Galea ma kienx arrestat minkejja li l-ħruġ tal-Mandat Ewropew għall-Arrest tiegħu ilu li nħareġ bosta xhur… sa mis-sena l-oħra. Anzi, biex inkomplu nippreċiżaw, Mandat Ewropew għall-Arrest li kien segwit ukoll mill-ħruġ ta’ Mandat għall-Arrest mill-Pulizija Maltija.

Imma s-sigrieti f’dawn l-intriċċi kollha huma ben magħrufa. Iosif Galea tant kellu ċertezza mill-protezzjoni ta’ Kastilja u mill-protezzjoni tal-istess Pulizija Maltija li kien spiss dieħel u ħiereġ mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mingħajr ma ħadd jgħidlu xejn!

Sors li lbieraħ filgħodu tkellem ma’ Il-Mument qal li filwaqt li jekk tkun ħiereġ minn Malta u ma jkollokx kollox eżatt il-Pulizija żżommok milli tħalli l-pajjiż, anki għal ċuċati u sew tagħmel, imbagħad ikollok każijiet bħal dawn tant serji fejn dak li jkun jitħalla joħroġ u jidħol fil-pajjiż bħal qisu xejn! Tassew każ mill-aktar ċar ta’ kemm f’pajjiżna mhux kulħadd hu meqjus l-istess quddiem il-Pulizija u l-Ġustizzja. Għaliex Iosif Galea jmissu ilu arrestat sa minn meta nħareġ il-Mandat Ewropew għall-Arrest tiegħu.

Iżda x-xibka li fiha hu minsuġ Iosif Galea fiha nnifisha jħossha bħala protezzjoni biex jimmanuvra u jissokta jagħmel li jrid. L-istess messaġġi li kienu ħarġu fis-seduti tal-każ ‘John Dalli’ fejn xhieda bil-ġurament minn fuq il-pedana tax-xhieda kienu ddeskrivew is-saħħa li kien jaħseb li għandu dan Iosif Galea.