Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn bowser tal-għamla DAF, misjuq minn raġel ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żabbar u Land Rover Discovery, misjuq minn mara ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żabbar. Fil-Land Rover, kien hemm ukoll raġel ta’ 27 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-persuni li kienu fil-vettura l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi. Ix-xufier tal-bowser ittieħed għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.