Ikkonkludew l-erbat ijiem ta’ festi fl-okkażjoni tas-sebħin sena tar-Reġina Eliżabetta fuq it-tron tal-Ingilterra — u meta miljuni ta’ nies ħadu sehem fl-aħħar ġurnata ta’ street parties u attivitajiet oħra għall-pubbliku.
Il-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina, intant, kien okkażjoni li għaqqad lill-poplu Britanniku f’espressjonijiet ta’ ferħ, għaqda u speċjalment f’sens ta’ identità bħala poplu wieħed….Poplu li, tul il-ġenerazzjonijiet ta’ wara t-Tieni Gwerra, ra pajjiżu jinbidel bil-kbir u fejn ikkonsolida postu fost il-potenzi tal-Punent — bir-Reġina Eliżabetta dejjem bħala s-simbolu ewlieni.
L-aktar avveniment li spikka fil-programm tallum kien il-pageant fil-viċinanzi tal-Palazz ta’ Buckingham u li fih ħadu sehem mal-10,000 persuna – fosthom suldati, artisti u ħaddiema ewlenin mid-diversi oqsma.
Attrazzjoni oħra waqt il-pageant kien il-karozzell magħruf bħala l-Gold Stage Coach li f’Ġunju tal-1953, kien wassal lil Eliżabetta għall-koronazzjoni tagħha bħala Reġina…Ir-rwol ewlieni li hi qdiet b’daqstant dedikazzjoni u distinzjoni għal xejn anqas minn 70 sena.
Sadanittant, kienet organizzata anki purċissjoni fuq stil ta’ karnival u li fiha spikkaw il-pupazzi, flimkien ma’ diversi persuni ċelebri. Ir-rotta għall-karnival kienet tinkludi fost oħrajn il-Mall ta’ Londra u l-inħawi prinċipali quddiem il-Palazz ta’ Buckingham.
Fl-aħħar sigħat saru wkoll numru kbir ta’ ikliet speċjali magħrufin bħala Big Jubilee Lunches u fejn il-Prinċep Charles, iben ir-Reġina u l-eredi għat-tron, attenda għal wieħed minn dawn l-ikliet li sar fl-Oval Cricket Ground ta’ Londrta.
L-aħħar jum ta’ attivitajiet, sandanittant, intemm bil-kant tal-innu nazzjonali fost il-folol preżenti quddiem il-Palazz ta’ Buckingham – bir-Reġina toħroġ fil-gallarija biex tilqa’ l-applaws tan-nies. Dan wara li hi kienet indisposta għal xi żmien minħabba xi problemi ta’ mobbilità.
Jakkumpanjaw lir-Reġina fuq il-gallarija kien hemm tliet ġenerazzjonijiet ta’ irjali li flimkien kienu qed jirrappreżentaw il-preżent u l-futur tal-Monarkija Britannika.
//= $special ?>