Lokali

Sirjan iweġġa’ f’argument bejn erba’ persuni f’Marsalforn

Sirjan kellu jittieħed l-Isptar Ġenerali ta’Għawdex wara li kien involut f’argument li seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ dalgħodu, fi Triq il-Port, Marsalforn, Għawdex.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li qam argument bejn erba’ persuni; Pollakka ta’ 25 sena, Pollakk ta’ 29 sena u żewġ Sirjani ta’ 23 u 26 sena.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi ħaduhom l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Aktar tard, is-Sirjan ta’ 23 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-oħrajn weġġgħu ħafif.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.