Il-Pulizija arrestat Serb ta’ 33 sena li kien ilu mfittex għal aktar minn tliet xhur wara ġlieda li kienet seħħet fi stabbiliment f’Marsaskala.
Fil-każ, li kien seħħ fis-17 ta’ Frar li għadda fl-istabbiliment fi Triq ix-Xatt, kien weġġa’ gravi raġel ta’ 29 sena minn Marsaskala stess, bl-allegat aggressur ħarab mill-post u minn dakinhar bdiet it-tfittxija għalih.
Wara investigazzjonijiet intensivi, il-Ħadd il-Pulizija kienet informata li l-barrani kien fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt, fil-Gżira. Mal-wasla tal-membri mir-Rapid Intervention Unit, hu pprova jaħrab, kif ukoll kien aggressiv u rreżista l-arrest.
Hawn, erba’ membri tal-Korp sofrew xi feriti ħfief u kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Min-naħa tiegħu, is-Serb inżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, filwaqt li aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>