Lokali

Fondi biex titlesta l-faċilità St. Michael Hospice

SportMalta flimkien ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi se jkunu qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet matul Hospice Malta Festa Sport biex jinġabru fondi għal Hospice Malta.

L-ewwel edizzjoni ta’ Hospice Malta Festa Sport se ssir fid-29 ta’ Ġunju, f’għadd ta’ faċilitajiet sportivi u d-dħul mid-donazzjonijiet se jmur biex jitlesta St. Michael Hospice, l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva f’Malta.

Għall-Festa Sport se jkun hemm tournament tal-badminton fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, tournament tal-beach soccer fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, kompetizzjoni tal-isparar fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja, tournament tal-volleyball fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u tournament tal-waterpolo under 13 u Ladies Development fil-Pixxina Nazzjonali. Se jkun hemm ukoll tournament tal-isnooker.

Hospice ilha għal dawn l-aħħar 33 sena toffri servizzi ta’ kura paljattiva fil-komunità u din is-sena qed joqrob it-tlestija tal-proġett nazzjonali ta’ St. Michael Hospice, li mistenni jinfetaħ lejn il-bidu tas-sena d-dieħla ħallu joffru servizz lil madwar 1,300 familja fil-bżonn.