Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru se jħalli lill-istudenti fis-sħana

Jekk inti għalliem, student jew għandek it-tfal fl-iskejjel tal-Gvern u ta’ kuljum tkunu qiskom f’boiler mingħajr aċċess għall-arja kondizzjonata, il-Ministru tal-Edukazzjoni magħżul minn Robert Abela m’għandu l-ebda soluzzjoni għalik.

U dan ifisser li erbat ijiem oħra, l-istudenti se jispiċċaw iqattru l-għaraq filwaqt li jipprovaw jikkonċentraw għal madwar sagħtejn eżamijiet matul dan ix-xahar kollu.

Fil-fatt, Clifton Grima għal naqra ma qalx lin-nies hemm barra biex ikomplu jistennew forsi xi darba l-arja kondizzjonata tasal sal-klassijiet tal-iskejjel… qishom se jaqgħu mis-sema… u sadanittant, hu jinsab taħt l-arja kondizzjonata li tkessaħ l-uffiċċju tiegħu biex jaħdem komdu.

U minkejja li rajna Ministru wara l-ieħor f’dawn l-aħħar disa’ snin … minn Evarist Bartolo għal Justyne Caruana u Owen Bonnici… u issa Clifton Grima… l-ebda minnhom ma ħassew il-bżonn li kemm l-istudenti u anke l-għalliema jixirqilhom li jkunu komdi matul ix-xhur sħan.

Tant, li minflok ta soluzzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni infexx jattakka lil sħabu fil-Labour.

Intant, meta Clifton Grima ġie mistoqsi wkoll dwar l-iskandlu li ħareġ fl-aħħar jiem dwar l-għażla ta’ Lecturers ġodda fl-MCAST, meta kienet saret sejħa fl-2018, dan lanqas biss kellu idea meta ġara l-każ, tant li qalilna li seħħ fl-2017.

Hu kkonfermalna wkoll li bħala Ministru tal-Edukazzjoni mhu se jkun qed jieħu l-ebda azzjoni dwar dan u sempliċiment se joqgħod fuq l-istqarrija maħruġa mit-tmexxija tal-MCAST… f’indikazzjoni oħra li m’għandux idea x’qed jiġri fil-Ministeru li hu responsabbli minnu.