Lokali

Sewwieq ta’ mutur fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Mosta

Sewwieq ta’ mutur ta’ 24 sena, residenti l-Imġarr qed isofri ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6.30pm fi Vjal Ragusa, il-Mosta.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien seħħ inċident bejn mutur Herald Maverick misjuq mir-raġel u karozza Mercedes Benz, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 28 sena, residenti l-Mosta.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.