Lokali

AĠĠORNATA: Ħamsa jittieħdu l-Isptar fosthom tarbija wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Aktar kmieni illum, ħames persuni kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei fosthom tarbija ta’ 4 xhur, tifel ta’ sitt snin u tifla ta’ sentejn, wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar. Dan il-każ seħħ għal ħabta tas-1pm, fit-triq Telgha t’Alla u Ommu, fin-Naxxar.

Minn informazzjoni li kiseb Net News, jidher li għal xi raġuni mhux magħrufa seħħet ħabta head-on bejn vettura tat-tip Peugeot 108, misjuq minn mara ta’ 28 sena, residenti Għargħur, u vettura oħra tat-tip Ford Fushion, misjuqa minn raġel ta’ 67 sena residenti Sliema.

Fil-vettura tat-tip Peugeot 108, kien hemm tarbija ta’ 4 xhur, filwaqt li fil-vettura l-oħra kien hemm mara ta’ 62 sena residenti Sliema, tifla ta’ sentejn u tifel ta’ 6 snin.

Fuq il-post issejħu l-pulizija u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-passiġġieri kollha, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. It-tarbija u ż-żewġ itfal sofrew biss ġriehi ħfief filwaqt li l-mara ta’ 62 sena weggghet gravi.

Il-kundizzjoni tal-mara ta’ 28 sena għadha mhix magħrufa.