Lokali

Iċċelebrat is-Sette Giugno

Is-7 ta’ Ġunju hu l-jum li fih infakkru t-telfa ta’ erba’ Maltin li tilfu ħajjithom waqt l-irvellijiet tal-1919 fil-Belt Valletta.

It-Tlieta filgħodu ngħatat tislima lill-vittmi ta’ dan il-jum fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, id-Deputat Spekear David Agius kif ukoll il-President tal-Kumitat Festi Nazzjonali u xi qraba tal-vittmi qegħdu kuruni ta’ fjuri fuq il-Qabar ta’ dawn il-Maltin li ċarċru demmhom għal pajjiżna.

Għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti wkoll il-Banda tal-Pulizija. Qabel it-tqegħid tal-fjuri, inżammet minuta silenzju kif ukoll ingħat xi talb ad unur il-vittmi: Emmanuele Attard minn tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex. Riżultat ta’ dawn l-irvellijiet kienu ndarbu wkoll 50 persuna.

L-irvellijiet li seħħew aktar minn mitt sena ilu kienu frott l-iskarsezzi li ġabet magħha l-Ewwel Gwerra Dinjija qalb il-Maltin – l-għaks u l-faqar li kien hawn fil-pajjiż.

Sentejn wara dawn l-avvenimenti, Malta ngħatat Kostituzzjoni ġdida, li permezz tagħha l-Maltin kisbu l-Gvern immexxi minnhom għall-ewwel darba.

Aktar tard matul il-jum, sar ukoll tqegħid ta’ kuruna mill-President ta’ Malta, mic-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u mis-Sindku tal-Belt Valletta fuq il-Monument tas-Sette Giugno l-Belt Valletta.