Il-President Volodymyr Zelensky u l-Gvern Ukren jafu li taħt l-ebda ċirkustanzi ma jistgħu jitilfu l-belt ta’ Severodonetsk lir-Russi. Dan minħabba r-riperkussjonijiet strateġiċi tat-telfa li għandhom iħallu impatt kbir u dirett għal din il-gwerra.
U f’każ ta’ suċċess militari konklussiv f’Severodonetsk, il-qawwiet tal-Kremlin ikunu ħadu kważi l-art sħiħa fir-reġjun ta’ Luhansk li tikkostitwixxi madwar nofs ir-reġjun tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Għaldaqstant mhemmx dubju li Severodonetsk – forsi aktar mill-battalji ta’ ġimgħat ilu għall-madwar ta’ Kiev – għandha tkun l-aktar punt kruċjali ta’ din il-gwerra. Dan waqt li s-Sindku tal-belt, Oleksandr Stryuk, ikkonferma li ‘mhumiex jieqfu l-battalji minn triq għall-oħra (f’dik il-belt)’.
Stryuk u l-uffiċjali Ukreni oħrajn fl-inħawi qed jenfasizzaw li t-truppi Ukreni bl-ebda mod mhuma se jabbandunaw din il-belt importanti. Mistenni li l-ġranet li jmiss se jkunu wkoll karatterizzati b’reżistenza akbar għall-Magna tal-Gwerra tal-President Russu, Vladimir Putin.
L-istess awtoritajiet Ukreni qalu wkoll li s-sitwazzjoni f’Severodonetsk qed timbidel ma’ kull siegħa — iżda fl-istess ħin huma jinsabu fiduċjużi li l-Ukreni għandhom biżżejjed qawwiet u riżorsi biex jaqilbu l-bilanċ tal-ġlied favur tagħhom.
Hemm ukoll tamiet li l-Ukreni, ‘il quddiem – f’każ li ma jseħħx xi żblokk sinifikattiv kontra tagħhom — ikunu f’pożizzjoni li jieħdu lura mill-ġdid il-kontroll sħiħ f’din il-belt.
//= $special ?>