L-Ambaxxatur tar-Russja ħareġ ‘il barra bil-herra waqt laqgħa għall-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti – u wara li l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, waħħal fl-aggressjoni tar-Russi fl-Ukrajna bħala l-kaġun għal kriżi tal-ikel fuq livell globali.
Michel qal li r-Russja qed tuża l-provvisti tal-ikel bħala ‘missila tat-tip stealth’ kontra d-dinja li qed tiżviluppa u meta, b’konsegwenza ta’ dan, aktar nies qegħdin jisfaw vittmi tal-faqar.
Iżda l-Ambaxxatur Russu għal dan il-Kunsill. Vassily Nebenzia, ma aċċettax il-kliem ta’ Michel u – qabel telaq ‘il barra – akkuża lill-President tal-Kunsill Ewropew ‘b’li qed iferrex il-gideb.’
Il-gwerra tal-Ukrajna rriżultat f’sitwazzjonijiet ta’ tħassib kbir relatati mal-provvisti tal-ikel lejn il-pajjiżi – liema ikel ma jistax ikun ittrasferit mill-portijiet Ukreni lejn id-destinazzjonijiet xierqa.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dinja qed tħoss in-nuqqas akut tal-kunsinni taż-żejt għat-tisjir; flimkien ma’ qmuħ u ċereali li s-soltu huma esportati mill-Ukrajna. Ir-Russja wkoll tesporta ammonti kbar ta’ qmuħ u tipi ta’ fertilizzant, bin-nuqqas ta’ dawn l-esportazzjonijiet iwasslu għal qabża kbira fil-prezz tas-sorsi alternattivi madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu, Charles Michel wissa li l-konsegwenzi drammatiċi tal-gwerra li r-Russja qed tmexxi fl-Ukrajna qegħdin jinfirxu madwar id-dinja – bir-riżultat li l-prezzijiet tal-ikel qed jiżdiedu minn ġimgħa għall-oħra, b’aktar komunitajiet iġarrbu l-impatt tal-faqar filwaqt li qed tintilef l-istabbilità f’numru ta’ reġjuni.
//= $special ?>