Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky għadu qed jittama fl-isħubija ta’ pajjiżu fin-NATO

Il-Prim Ministru tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, insista li pajjiżu ma jista’ qatt jaċċetta sitwazzjoni staġnata wara aktar minn 100 jum ta’ gwerra mar-Russja. Dan waqt li hu tkellem mill-ġdid dwar il-possibbiltà li l-Ukrajna. ‘il quddiem, tissieħeb fl-Alleanza tan-NATO.

Meta indirizza konferenza diġitali organizzata mill-Financial Times, Zelensky qal li pajjiżu ‘diġà tilef wisq nies biex sempliċiment iċedi t-territorju tiegħu lill-għadu ( ir-Russja)’. Dan waqt li żied li l-Ukrajna tinsab determinata biex tikseb lura l-kontroll sħiħ ta’ artha.

Il-President Ukren kompla li l-Alleanza tan-NATO ‘għandha tistieden lill-Ukrajna biex tissieħeb fiha f’każ li hi tkun trid’ filwaqt li tenna li  ‘mhemm l-ebda ħtieġa li jinħela ż-żmien fit-taħditiet dwar din l-isħubija potenzjali’.

Ir-Russja ilha topponi l-idea tal-Ukrajna bħala membru tan-NATO, b’Moska takkuża lill-Alleanza tal-Punent b’li qed tersaq eqreb iz-zona tal-influwenza politika ta’ Moska. Dan għaliex in-NATO, fl-aħħar snin, ammettiet numru ta’ Stati mill-Ewropa tal-Lvant u l-inklużjoni tal-Ukrajna għandha tfisser li l-Alleanza tkun waslet proprju fuq l-għatba tar-Russja.

Ġimgħat ilu, Volodymyr Zelensky qal li ‘kien qed jaċċetta li l-Ukrajna ma tiffurmax parti min-NATO’ iżda jidher, issa, li hu qed jikkunsidra mill-ġdid dan il-pass għas-sigurtà futura ta’ pajjiżu.