Waqt l-omelija tal-quddies li saret fil-festa tas-Sette Giugno, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li għandna r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb dak li rċevejna mingħand missirijietna u kontinwament nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija: Lil Malta u lil Għawdex kif se nħalluhom? Verament se nħalluhom aħjar milli sibniehom? Isbaħ? X’qegħdin nagħmlu biex inħarsu l-ambjent li rċevejna mingħand Alla u li ħadu ħsiebu missirjietna?
Qal li kulħadd jirrispondi din il-mistoqsija fil-kuxjenza tiegħu. Sostna li l-korruzzjoni hija s-susa tal-pajjiż; kollox sabiħ minn barra u mgħawwar minn ġewwa. “Fis-soċjetà, jekk nisirqu lil xulxin, ma nobdux il-liġijiet, inxaħħmu lill-uffiċjali pubbliċi biex jaqduna jew jgħawġu liġi għall-interessi tagħna, nkunu qegħdin nagħmlu bħalma jagħmlu ċertu insetti: mingħalik għandek banketta, toqgħod fuqha u taqa’ bik għax minn ġewwa kollha susa.”L-Arċisqof qal li ħafna drabi aħna naħbu u nibżgħu mid-dawl. “Fis-soċjetà tagħna għandna bżonn li kollox ikun fid-dawl. Fejn hemm il-ħabi u fejn hemm kollox minn taħt, m’hemmx id-dawl tal-ġustizzja. Dawn iż-żewġ tixbihat tal-melħ u tad-dawl huma importanti għall-pajjiż.”
Hu fakkar kif il-Papa Franġisku, fis-sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-Granmastri quddiem l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna, sem ma lil Malta bħala eżempju ta’ dawl. Imma nkunu dawl jekk naħbu l-intriċċi u t-taħwid li nagħmlu?
“Id-dawl huwa li bniedem li għandu r-responsabbiltà jirrispondi anke quddiem il-Parlament. X’jiġifieri jsejjaħlek Kumitat tal-Parlament u tgħaddi biż-żmien lill-Kumitat u lill-poplu u ma tirrispondix mistoqsija? Iġġib mitt elf skuża! Dak mhux id-dawl li jrid Ġesù Kristu għal pajjiżna.”
L-Arċisqof qal li nfakkru l-vittmi tas-Sette Giugno, li kienu nies innoċenti, b’uħud minnhom kienu l-Belt b’kumbinazzjoni. “Meta tisma’ u taqra l-istorja ta’ ħafna nies minn dawn il-vittmi, qalbek tingħasar. Imma fl-istess ħin kien hemm ukoll ambjent ta’ tixwix. L-ambjent ta’ tixwix għadu magħna! Aħna llum irridu nfakkru wkoll traġedja kbira meta l-vjolenza soċjali tkun frott ukoll tat-tixwix.”
Sostna li rridu nifhmu xi tfisser il-festa tas-Sette Giugno fejn f’Malta, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hawn il-ġuħ u l-għaks. Għax Malta kienet iżjed strument tal-gwerra milli strument tal-paċi, allura fil-paċi konna nbatu u l-Maltin riedu jibdew ikollhom vuċi fid-destin tagħhom.
//= $special ?>