Artiklu: Stewart Said
Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jingħata bidu għall-istaġun tas-sajf tal-waterpolo b’rekord ta’ 12-il parteċipant fil-Kampjonat tas-Sajf tal-irġiel. Dan il-kampjonat jinsab f’pożizzjoni li jsir b’mod normali għall-ewwel darba mill-2019 wara li l-aħħar żewġ edizzjonijiet kienu mħarbta minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
It-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat tista’ tkun l-aktar waħda missielta fl-aħħar snin. L-isfidanti huma ċ-champions Neptunes, San Ġiljan li rebħu n-knock-out tas-sena l-oħra u Sliema, rebbieħa tal-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa, jew aħjar l-ewwel żewġ unuri tas-sena.
Dwell interessanti għal min se jilgħab fil-Kampjonat Premier se jkun bejn Marsaskala u Exiles minn Grupp B filwaqt li r-rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni s-sena li għaddiet Sirens, għandhom ċans tajjeb li jagħmluha fil-Kampjonat Premier għas-spejjeż ta’ Valletta jew Birżebbuġa.
L-istaġun irid jintemm sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Awwissu minħabba l-impenji tat-timijiet nazzjonali. F’madwar xahrejn u nofs ta’ logħob, huma skedati massimu ta’ 92 logħba tal-kampjonati, 10 logħbiet mill-kompetizzjoni tan-knock-out, kif ukoll ir-ritorn tat-Tazza tal-President u t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports, liema dati għad iridu jiġu deċiżi.
Il-format
Il-format jibqa’ simili kif kien fl-aħħar snin, jiġifieri mhux daqshekk faċli biex ikun spjegat. It-timijiet jinqasmu f’żewġ gruppi skont il-klassifikazzjoni tagħhom fl-aħħar staġun. Wara li jilagħbu kontra xulxin darba, l-ewwel tliet timijiet taż-żewġ gruppi jiffurmaw il-Kampjonat Premier u s-sitt timijiet l-oħra jiffurmaw l-Ewwel Diviżjoni. Ir-riżultati ta’ din il-fażi bejn it-timijiet li jkomplu fl-istess diviżjoni jibqgħu jgħoddu.
Imbagħad tintlagħab il-fażi msejħa tal-Cross-Overs. Hawn jilagħbu t-timijiet tal-istess diviżjoni imma li ma jkunux lagħbu fil-fażi tal-gruppi. B’hekk wara din il-fażi, il-klassifika tal-Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni tkun tirrifletti li kulħadd lagħab kontra xulxin darba.
Wara t-tieni rawnd tal-kampjonati, l-ewwel erba’ timijiet jikkwalifikaw għas-semi-finali tal-play-offs fuq l-aqwa minn tliet logħbiet. Iżda l-ewwel konfront se jkun rifless mill-konfront dirett preċedenti. Il-finali taż-żewġ diviżjonijiet tkun milgħuba fuq l-aqwa minn tliet logħbiet.
Iż-żewġ gruppi
Grupp A
Neptunes Videoslots, Valletta Izibet, Birżebbuġa Freeport, Sirens Mecca Marine, Otters Nivea, Ta’ Xbiex Amigos
Grupp B
San Ġiljan JP Projects, Sliema Frank Salt, Marsaskala Fish and Fish, Exiles, Marsaxlokk Brown’s, Barracudas
Logħob għal din il-ġimgħa
Illum
Grupp A – Valletta Izibet v Birżebbuġa Freeport 6.15pm
Grupp B – Marsaxlokk Brown’s v San Ġiljan JP Projects 7.20pm
Grupp B – Exiles v Barracudas 8.25pm
Għada
Grupp B – Sliema Frank Salt v Marsaskala Fish and Fish 6.15pm
Grupp A – Sirens Mecca Marine v Otters Nivea 7.20pm
Grupp A – Ta’ Xbiex Amigos v Neptunes Videoslots 8.25pm
Il-Ġimgħa
Grupp A – Otters Nivea v Neptunes Videoslots 6.15pm
Grupp B – Marsaskala Fish and Fish v Marsaxlokk Brown’s 7.20pm
Grupp B – Exiles v Sliema Frank Salt 8.25pm
Is-Sibt
Grupp A – Birżebbuġa Freeport v Ta’ Xbiex Amigos 5.00pm
Grupp A – Sirens Mecca Marine v Valletta Izibet 6.05pm
Grupp B – Barracudas v San Ġiljan JP Projects 7.10pm
//= $special ?>