Lokali Qorti

Is-Serb imfittex mill-Pulizja sa minn Frar fuq feriment jitressaq il-Qorti u jinżamm arrestat

Serb ta’ 33 sena residenti Marsaskala u li kienu ilu mfittex mill-Puilizija sa minn Frar li għadda tressaq il-Qorti b’urġenza u inżamm arrestat mill-Maġistrat Josette Demicoli fejn ġie akkużat li fera gravi raġel ta’ 29 sena. L-allegat reat seħħ wara ġlieda li seħħet fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt Wied il-Għajn.

L-Ispettur Darryl Farr qal lill-Qorti li l-inċident seħħ fis-17 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tal-10.35am. Tenna fl-inċident, Nikola Vujkovic weġġa’ gravi liż-żagħżugħ Jean Claude Cutajar. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Vujkovic ġie mixli wkoll li fil-5 ta’ Marzu li għadda, waqt li kien fir-restorant Mile End, il-Ħamrun, kellu passaport falz u ta dettalji foloz lill-uffiċjal pubbliku. Akkużi oħra fil-konfront tiegħu kienu li rreżista l-arrest, kiser il-paċi pubblika u li fil-pusses tiegħu reġa’ kellu passaport falz.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat difensur, Michael Sciriha talab għal ħatra ta’ espert mediku legali minħabba l-ġrieħi li Vujkovic sofra waqt l-arrest. Tenna li kienu seba’ Pulizija li arrestawh użaw saħħa eċċessiva li lir-raġel ikkawżatlu ksur f’saqajh, spiċċa biex fekkek idu u “ġrieħi oħra serji. Sciriha għamel ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Demicoli ċaħdet it-talba minħabba biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u l-gravità tar-reat iżda laqgħet it-talba li l-imputat jiġi invistat mit-tabib u espert tal-Qorti Mario Xerri. Is-Serb spiċċa arrestat nhar il-Ħadd li għadda wara li l-Pulizija kienet infurmata li huwa kien fin stabbiliment. Meta marru fuq il-post, l-akkużat mill-ewwel intebaħ bihom u pprova jaħrab.

Waqt l-arrest allegatament kien aggressiv ħafna fil-konfront tal-Pulizija tant li erba’ minnhom sofrewxi ġrieħi ħfief u kellhom jingħataw l-għajnuna medika fl-Isptar Matern Dei. Il-każ issa jkompli quddiem Maġistrat differenti wara li bejn l-Erbgħa u l-Ħamisn titla’ polza sabiex ikompli l-każ fi żmien 10 t’ijiem ta’ xogħol.