Bejn l‑24 u s‑26 ta’ Mejju sar live-in għall-kappillani kollha ta’ Malta organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani.
Waqt dan il-live-in annwali, il‑kappillani tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta rriflettew fuq it‑tema ‘Knisja li tilqa’, Knisja inklussiva’. Huma ddiskutew kif bħala saċerdoti jista’ jkollhom attitudni pastorali li dejjem tilqa’ lill‑persuni ta’ madwarhom billi jkunu inklussivi fi kliemhom, fl‑atteġġjament tagħhom u fid‑deċiżjonijiet li jieħdu, kemm mal‑persuni li huma midħla tal‑Knisja u anke dawk li mhumiex.
L‑ewwel jum tal‑live‑in li sar fis‑Seminarju tal‑Arċisqof beda b’messaġġ mill‑Arċisqof Charles Scicluna fejn appella lis‑saċerdoti biex ma jżommux lura milli jilqgħu lill‑persuni kollha, kif għamel Ġesù.

Matul dawn it‑tlitt ijiem ta’ riflessjoni u diskussjoni, diversi kelliema u esperti għenu lill‑kappillani jifhmu kif is‑saċerdot jista’ jilqa’ persuni oħra u l‑ideat differenti tagħhom.
Suġġett ieħor li l‑kappillani rreflettew dwaru kien il‑qasam tal‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ. Huma ddiskutew dan il‑qasam flimkien mal‑membri tal‑Malta Catholic Youth Network filwaqt li ngħataw preżentazzjoni minn DISCERN dwar riċerka li turi xejriet fost iż‑żgħażagħ fuq l‑irwol tagħhom fil‑komunità, il‑politika, il‑mużika, il‑fidi u l‑volontarjat.
L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi għalaq il‑live‑in billi semma kif bħala Knisja lkoll mistiedna ngħixu flimkien is‑Sinodu tal‑Isqfijiet li se jsir fl‑2023. Qal li bħala Nsara m’aħniex imsejħa biex inkunu magħluqa fina nfusna iżda li noħorġu u nibnu djalogu mal‑persuni ta’ madwarna.