Traġedja fiz-Żejtun hekk kif raġel ta’ 43 sena tilef ħajtu wara li waqa’ żewġ sulari waqt li kien qed jagħmel xoghol fir-residenza tiegħu stess.
L-inċident seħħ it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tad-disgħa u kwart fi Triq id-Dejma, iż-Żejtun.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel li joqgħod fl-istess residenza, waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-taraġ tad-dar tiegħu stess.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku b’ambulanza ssejħu fuq il-post sabiex jassistu, iżda l-inforzi tagħhom kienu kollha għalxejn hekk kif sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Aktar tard il-vittma kien identifikat bħala Shawn Curmi fejn bosta qraba u ħbieb sellmu l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali. Huma saħqu li jinsabu mingħajr kliem għall-aħbar tat-telfa tiegħu li ħasdet lil bosta bħal sajjetta fil-bnazzi.
Shawn Curmi, missier u infermier, kien deskritt bħala bniedem bi tbissima meraviljuża, kif ukoll bħala kollega ħabbrieki li dejjem kien jagħti l-mija fil-mija tiegħu fuq il-lant tax-xogħol. Intant, bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Intant fuq il-media soċjali l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace, sellem il-memorja ta’ Shawn filwaqt li kiteb li dan huwa jum iswed għalihom hekk kif tilfu kollega u ħabib.