Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qed jittama li jimplimenta l-kumplament tal-programm elettorali tiegħu wara li rebaħ vot ta’ fiduċja li ttieħed fost id-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.
Ir-rebħa tat ftit tan-nifs lil Johnson li jista’ iħares ‘il quddiem wara xhur ta’ inċertezza u spekulazzjoni dwar il-futur tal-Gvern – u meta hu, issa, laqqa’ lill-Ministri ewlenin tal-Kabinett biex jiddiskutu ‘it-triq ‘il quddiem’ għall-pajjiż li qed jiffaċċja numru ta’ sfidi partikulari; inkluża l-isplużjoni fil-prezzijiet li qegħda tifni anki lill-familji li ġejjin mill-klassi tan-nofs.
Matul il-vot tat-Tnejn bil-lejl – li sar possibbli wara li ‘il fuq minn 50 deputat tat-Tories ressqu ittri ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru – 211 deputat tal-partit fil-Gvern esprimew fiduċja f’Boris Johnson, b’148 jivvutaw biex hu jwarrab mit-tmexxija.
Intant, in-numru ta’ deputati li vvutaw kontra Johnson kien akbar milli mbassar oriġinarjament — bil-Prim Ministru, waqt diskors lill-Kabinett, isostni li ‘issa hu ż-żmien li wieħed jiġbed linja’ taħt il-kwistjoni ħalli l-Gvern ikun jista’ jilqa’ l-isfidi immedjati għalih u għall-pajjiż. Johnson tenna wkoll li l-Gvern tiegħu se jkun qed jikkonċentra ‘fuq l-issues li jridu n-nies’ fejn irrefera għall-effetti ta’ wara l-Covid u l-qabża kbira fil-prezzijiet tal-enerġija.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Johnson irċieva messaġġ ta’ appoġġ mingħand il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li qal li ‘qed iħossu ferħan ħafna li Boris Johnson se jkompli bħala Prim Ministru tar-Renju Unit.’
Dan meta r-Renju Unit, taħt it-tmexxija ta’ Boris Johnson, kien l-aktar pajjiż attiv—flimkien mal-Istati Uniti – fl-impenji tal-għajnuna, fosthom il-provvista ta’ armamenti, lill-Ukreni biex huma jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-qawwiet tar-Russja.
Taħt ir-regoli tal-Partit Konservattiv Britanniku, il-Prim Ministru Johnson ma jistax jiffaċċja sfida oħra fuq livell ta’ vot ta’ fiduċja għal talanqas sena.
Madankollu, numru ta’ avversarji politiċi ta’ Johnson qegħdin jaraw kif jistgħu jibdlu r-regoli biex jaċċertaw sfida oħra, minn ħafna qabel, lit-tmexxija tal-Prim Ministru u Kap tal-Konservattivi.
Il-Viċi-Prim Ministru Britanniku, Dominic Raab, sadanittant, iddefenda lil Boris Johnson u qal li ma hemm l-ebda ‘alternattiva kredibbli’ għall-Prim Ministr,. Raab enfasizza li Johnson ħareġ minn fuq u b’maġġoranza ċara mill-vot ta’ fiduċja u sostna li l-partit fil-Gvern issa jeħtieġ li jħares ‘il quddiem lejn l-aktar issues kruċjali.
//= $special ?>