Wasal iż-żmien li niddiskutu l-ħin li fih jiltaqa’ l-Parlament kif ukoll nitkellmu dwar il‑kwistjoni tal‑introduzzjoni ta’ Membri Parlamentari full time.
Dan kien il-qofol tad-diskors li għamel l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta lejliet il-festa tas-Sette Giungno saret ċerimonja quddiem il-Monument tas-Sette Giugno f’Misraħ San Ġorġ.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati sostna li minn żmien is-Sette Giugno ‘l hawn, il-Maltin riedu li jkunu propju huma li jmexxu l-kostituzzjoni. U dan mhux talli seħħ, talli l-Parlament illum il-ġurnata għandu l-ikbar kamra tad-deputati hekk kif jikkonsisti f’79 membru – 34 li huma membri ġodda u 22 li huma nisa.

Anġlu Farrugia qal illum, meta għandna Parlament b’rappreżentanti aktar friski, li magħhom qegħdin iġibu firxa usa’ ta’ esperjenzi, għandna nieqfu u nirriflettu dwar kif kull wieħed u waħda minna jista’ jikkontribwixxi għall‑mixja demokratika ta’ pajjiżna. Huwa fakkar kif għall‑ewwel darba l‑Parlament Malti għandu rappreżentanza femminili ta’ 28%, li għalkemm għadha ’l bogħod ferm mill‑mira ta’ 40%, tista’ żgur titqies bħala pass fid‑direzzjoni t‑tajba.
Saħaq li issa huwa importanti li l‑parteċipazzjoni u l‑kontribut tan‑nisa fil‑Parlament jinħassu u jagħmlu differenza, inkluż fis‑16‑il Kumitat parlamentari.
Anġlu Farrugia qal li wasal iż-żmien biex ikun rivedut il-ħin ta’ meta jiltaqa’ l-Parlament… fejn dan jakkomoda aħjar l‑eżiġenzi professjonali, familjari, personali u anke akkademiċi tan‑numru akbar u firxa aktar wiesgħa ta’ Membri Parlamentari. Huwa tkellem ukoll dwar il‑kwestjoni tal‑introduzzjoni tal‑Membri Parlamentari full time u tal‑għajnuna li l‑gruppi parlamentari għandhom jingħataw.

L-Ispeaker qal li wasal iż‑żmien li naraw li jitwettaq is‑citizen’s right of reply, mekkaniżmu fejn ċittadin ikollu d‑dritt li jirrispondi għal dak li jkun intqal dwaru fil‑Parlament. Sostna li filwaqt li huwa essenzjali li l‑privileġġ parlamentari jinżamm biex ebda deputat ma jibża’ jgħid il‑verità, daqstant ieħor huwa importanti li ħadd ma juża l‑privileġġ parlamentari b’mod abbużiv.
Huwa tenna li demokrazija parlamentari ħajja titlob li nibqgħu dejjem naraw x’jista’ jsir biex inkomplu nsaħħu din l‑istituzzjoni u dan sabiex nilħqu l‑aspettativi dejjem jinbidlu tal‑poplu Malti.
F’din iċ-ċerimonja kommemorattiva, wara d-diskors tal-Ispeaker indaqq il-Last Post. Inżammet ukoll minuta silenzju ad unur il-vittmi: Emmanuele Attard minn tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex. Wara ndaqqet ir-Reveille.
Fi tmiem iċ-ċerimonja sar t-tqegħid tal-fjuri fuq il-Monument tas-Sette Giugno mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll numru ta’ Deputati Nazzjonalisti… bl-Innu Malti jsegwi dan kollu.
