Lokali Qorti

16-il xahar ħabs għal libertà kundizzjonata għax ħallset il-manteniment lir-raġel

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja lliberat mara ta’ 48 sena bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sena wara li kienet ġiet ikkundannata 16-il xahar ħabs fejn l-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitha ħatja li ma ħallsitx il-manteniment lir-raġel.

Il-Qorti qalet li waqt li sar l-appell kien hemm bdil fiċ-ċirkostanzi ta’ bejn il-partijiet, billi l-appellanta ħalset għal kollox l-ammonti kollha dovuti minnha f’manteniment in konnessjoni ma dan il-każ. Dan huwa pass pożittiv li juri li l-mara, anke jekk tard, spiċċat biex wetqet dak li kienet ordnata mill-Qorti li tagħmel.

Hija kienet instabet ħatja talli fix-xahar ta’ Jannar 2020 meta kienet ordnata minn xi Qorti jew marbuta b’kuntratt naqset milli tagħti lill-eks raġel tagħha s-somma hekk iffissata minn dik il-Qorti. “Trid issa żżommha f’moħħha li skont ġurisprudenza kostanti l-ordnijiet tal-Qrati jridu jiġu osservati skrupolożament u mhux permessi tfettieq jew tnikkir żejjed fit-twettieq tagħhom. Mill-banda l-oħra tali ħlas tard jista’ jittieħed in konsiderazzjoni minn din il-Qorti fl-għotja tal-piena tagħha” qalet l-istess Qorti.

L-ewwel Qorti kienet bagħtitha 16-il xahar ħabs wara li għal 16-il xahar konsekuttiv naqset milli tħallas lir-raġel tagħha l-manteniment dovut lilu u lil uliedhom. Il-Qorti kienet ikkundannata xahar ħabs għal kull darba li naqset li tħallas il-manteniment dovut.

Il-mara appellat għax qalet li l-piena ta’ ħabs kienet ta’ ħsara għal saħħitha minbarra wkoll li kienet se titlef ukoll l-impjieg. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-piena kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi iżda nnota li ħallset il-manteniment kollu dovut. Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza u minflok 16-il xahar ħabs lliberataha bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor għal perjodu ta’ sena.