Il-Pulizija Ġermaniża — minkejja l-indikazzjonijiet pjuttost konkreti — mhumiex ifissru l-inċident qattiel li seħħ dalgħodu f’Berlin bħala wieħed terroristiku. Dan wara li talanqas persuna tilfet ħajjtha — b’aktar minn 30 jisfaw midruba – meta raġel saq il-karozza tiegħu b’veloċità minn qalb il-folol tan-nies li kienu f’ċentru attiv tal-kapitali Ġermaniża, Berlin.
Ir-raġel – li qed jinżamm taħt arrest mill-pulizija – saq il-karozza, tat-tip Renault Clio, diversi drabi għal fuq il-bankina qabel għadda straxxnat minn qalb in-nies sakemm baqa’ dieħel f’ħanut minfejn ma setax jirriversja għal barra.
Dan ir-raġel, imbagħad, spiċċa miżmum min-nies li ġrew lejn il-karozza u li baqgħu jżommuh sakemm waslu l-pulizija fuq il-post.
L-inċident seħħ viċin ħafna ta’ fejn terrorista Iżlamiku tal-ISIS, fl-2016, kien saq bi trakk għal fuq in-nies li kienu qed jattendu Christmas Market (f’Berlin) u fejn kien spiċċa joqtol 12-il persuna.
It-terrur tal-aħħar sigħat ikkonċentra fi triq – Tauentzienstrausse – iddominata bil-ħwienet u l-kafeteriji u fejn hemm ukoll il-Knisja ta’ Kaiser Wilhelm.
Ix-xhieda fl-inħawi qalu li raw il-karozza misjuqa b’veloċità partkulari lejn bankina u fejn sekondi wara bdiet tolqot persuna wara l-oħra. Is-sewwieq imbagħad reġa’ niżel fit-triq u saq għal xi distanza qabel tela’ mill-ġdid fuq il-bankina fejn kompla jtajjar lin-nies li ma setgħux iwarrbu min-nofs.
Dan sakemm il-karozza baqgħet dieħla fi stabbiliment li jbiegħ il-fwieħa u fejn baqgħet imwaħħla sakemm intervjenew lin-nies u żammew lis-sewwieq – Ġermaniż ta’ nisel Armen u li għandu 29 sena — milli jaħrab. L-aħħar rapporti qalu li r-raġel qed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-pulizija ‘li ma kienu qed jeskludu xejn sa dak il-punt’.
Sar magħruf ukoll li l-persuna mejta fl-inċident kien għalliem, bil-midruda jinkludu numru ta’ studenti – li ħamsa minnhom spiċċaw f’sitwazzjoni kritika. Issemiet ukoll il-possibbiltà li l-ammont tal-vittmi jiżdied ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’.
Ħafna min-nies li kienu preżenti waqt dawk il-mumenti ta’ terrur ftit kellhom dubju li r-raġel ‘saq għal fuq in-nies b’intenzjoni’ anki jekk l-awtoritajiet f’Berlin mhumiex ħerqana li jipprovdu dettalji ċari tal-iskopijiet tiegħu. Dan meta Iris Spranger, is-Senatur ta’ Berlin għall-Ministeru tal-Intern, qalet li hi u l-awtoritajiet kienu qed iżommu ruħhom aġġornati bl-iżviluppi waqt li l-investigazzjoni tal-każ.
