Lokali Qorti

Akkużat bi stupru u li kkorrompa żewġt t’ibniet tas-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 44 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru u li kkorrompa żewġt t’ibniet tas-sieħba tiegħu, li għandhom biss 8 u 10 snin. L-allegat stupru sar fuq it-tifla ta’ 10 snin. L-akkużat, imwieled is-Sirja residenti Santa Luċija, jaħdem fil-kisi u t-tikħil.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Ispettur Joseph Busuttil, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, spjega lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kif kmieni t-Tlieta filgħodu, il-missier naturali tal-allegati vittmi kien mar personalment il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija wara li wliedu bniet kienu infurmawh bl-abbuż. Dan wara li ommhom ma kinitx emmnet il-verżjoni tat-tfal.

Il-missier kien viżibilment fi stat ta’ xokk, spjega l-ispettur. Huwa kien qal lill-ispettur li dakinhar stess, kien talab lil bintu ta’ 10 snin biex ma tilbesx quddiemu u quddiem ħutha. “It-tifla wieġbet li s-sieħeb l-ġdida ta’ ommha kien messha u ppenetratha b’subgħajh,” xehed l-ispettur.

Dan ir-rakkont kien ikkorroborat minn oħtha iż-żgħira, li meta mistoqsija, kienet qalet lill-ispettur li kien ġralha wkoll affarijiet simili. L-Ispettur Busuttil stqarr li aktar tard kien tkellem ukoll mat-tfajliet, fil-preżenza ta’ missierhom. “It-tfajliet kienu imfixkla ħafna u mhux kuntenti, iżda spjegaw x’ġara.

F’ħin minnhom, il-missier infaqa’ jibki u telaq mill-kamra.” Il-ġenituri tal-bniet ilhom separati għal dawn l-aħħar sentejn iżda kienu f’termini tajbin, huwa qal. Il-pulizija kienet staqsiet ukoll lil omm it-tfajliet, li kkonfermat li bintha l-kbira kienet qaltilha dwar l-abbuż xi ġimagħtejn jew tliet ġimgħat qabel, iżda qalet li ma emmnithiex.

Il-Pulizija kienet staqsiet ukoll lill-akkużat, li kien wasal fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija flimkien ma’ omm it-tfajliet. “Hu sostna li ma kienx jaf lill-bniet u mbagħad kien eżerċita d-dritt tiegħu għas-silenzju meta mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet speċifiċi,” kompla l-ispettur. F’dan l-istadju ma ntalbitx il-libertà proviżorja. L-avukat Mario Mifsued kien deher għall-akkużat.