Lokali

Gafa fadallu biss triq waħda: li jirriżenja – Repubblika

Pajjiżna jeħtieġ Kummissaru tal-Pulizija li jaħdem u jġib ir-riżultati. U la Angelo Gafa wera li m’huwiex u ma jridx ikun dak it-tip ta’ Kummissarju tal-Pulizija, għandu triq waħda biss quddiemu: li jirriżenja.

Hekk qal il-President tal-għaqda non-governattiva Repubblika Robert Aquilina matul konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Robert Aquilina fakkar kif f’laqgħa li kellhom mal-Kummissarju tal-Pulizija, sena u tliet xhur ilu, hu u kollegi tiegħu ta’ Repubblika kienu awgurawlu li jirnexxi fil-kariga li kien daħal għaliha.

Erba’ xhur ilu, F’attività quddiem id-Depot stess, l-għaqda kienet fakkritu li ż-żmien qed jagħfas … u għalhekk stennew passi konkreti, ladarba ma ttieħdux azzjonijiet tanġibbli.

Issa li Angelo Gafa jagħlaq sentejn bħala Kummissarju tal-Pulizija, Repubblika temmen li Gafa għandu track record ta’ falliment assolut.

Dan hekk kif l-għaqda fakkret kif l-ebda politiku baqa’ ma tressaq il-Qorti dwar il-korruzzjoni li seħħet minn Marzu 2013 ‘l hawn.

Barra minhekk, Robert Aquilina fakkar kif l-aħħar darba li l-Kummissarju tal-Pulizija wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kien 15-il xahar ilu – fi Frar tas-sena li għaddiet – u allura, minflok ma jagħti rendikont, qed jagħżel li jistaħba.

Angelo Gafa lanqas ma ħa passi fil-konfront ta’ dawk l-Uffiċjali tal-Korp li nqabdu jgħinu lill-kriminali, bħal Silvio Valletta jew Lawrence Cutajar. Min-naħa l-oħra, hu kien ilu sitt xhur jaf li hemm Uffiċjal tal-Pulizija li xxaħħam biex titteħidx azzjoni fuq reati li kienu qed iwettqu Iosif Galea u allegati kompliċi tiegħu.

Robert Aquilina qal li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun kontabbli lejn il-poplu u għalhekk għandu jispjega x’għamel meta sar jaf li l-kriminali kienu qed jixtru lill-Pulizija biex ħadd ma jmisshom jekk jinqabdu.

Fl-istess waqt, bħal ta’ qablu, Angelo Gafa staħba wara xogħol il-Maġistrati u ma għamel xejn meta tkun qed titwettaq Inkjesta u dan hu kkonfermat meta tara li l-Maġistrati dejjem waslu qablu. Barra mminhekk, lanqas ma ħa azzjoni dwar l-Inkjesti li nagħlqu, bħal f’dik tal-Egrant, li dwarha Karl Cini lanqas biss għadu tressaq il-Qorti.

Dan qed iwassal biex il-Pulizija jkunu demoralizzati għax taħt Gafa, il-Korp sar ikkaratterizzat minn inġustizzji saħansitra fil-Korp stess.

Robert Aquilina kompla li, għalkemm hu tajjeb li sar eżerċizzju ta’ re-branding u marketing, dan mhux biżżejjed biex titjieb ir-reputazzjoni tal-Korp għax dan għadu istituzzjoni ta’ impunità ta’ omertà u ta’ inġustizzji.

Hu qal li t-tama li l-Kummissarju tal-Pulizija jieħu azzjoni, issa spiċċat għalkollox. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-Korp li huma onesti għandhom iżommu sod u jibqgħu jagħtu servizz għax il-pajjiż jiddependi fuqhom ukoll.