Lokali Parlament

Hemm soluzzjonijiet oħra biex il-ġenituri li jixtiequ wild jingħatw l-assistenza

Graziela Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea tkellmet fil-parlament fuq il-Liġi tal-IVF u sostniet li hemm soluzzjonijiet oħra biex il-ġenituri li jixtiequ wild jingħataw l-assistenza minbarra l-PGT.

Graziella Galea qalet li hi esperjenza dan il-proċess u sostniet li dan hu suġġett delikat; proċess xejn faċli kemm għall-mara kif ukoll għar-raġel. Ċertu kummenti kontra l-Oppożizzjoni m’għandhomx jibqgħu isiru, appellat Graziella Galea, li appellat għar-rispett biex dan is-suġġett ma jispiċċax ballun politiku. Il-Gvern għandu jara kif isiru emendi flimkien.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li d-diskussjonijiet għandha tkun waħda miftuħa u matura favur kull min għandu bżonn dan it-trattament. Hi tkellmet dwar il-proċess tal-IVF fejn l-ewwel stadju jkun li jiġi rikonoxxut li l-koppja ma jistax ikollhom tfal, imbagħad isiru t-testijiet u jsiru tentattivi oħra biex il-mara tinqabad tqila bi proċessi oħra minbarra l-IVF.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li wara li jibda l-proċess tal-IVF li fih il-mara trid tieħu injezzjonijiet u pilloli; mhux faċli li mara tgħaddi minn dan il-proċess.

Wara jsir l-ewwel intervent ta’ fertilizzazzjoni biex ikunu ffurmati l-embrijuni li jitpoġġew fil-ġuf bit-tama li jirriżulta fi tqala. Kull mara jkollha t-tama li kull embrjun jirriżulta f’tarbija. Wara jiem ta’ stennija l-koppja tkun taf jekk il-proċess hux suċċess jew le; dan ifisser ħin ma jgħaddu qatt.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex il-koppji jingħataw appoġġ ikbar anki jekk dawn ma jammettux għax ma jaċċettawx ir-riżultat. It-trattament mediku jeffettwa lill-mara emozzjonalment u fiżikament waqt li r-raġel għandu jkun ta’ sostenn biex il-mara tkompli għaddejja b’dan il-proċess.

Graziella Galea sostniet li mara li jkollha embrijun ġo fiha tħoss li għandha tarbija u tagħmel minn kollox biex il-proċess ta’ IVF ma tintemmx. Il-mira ta’ kulħadd għandu jkun li jkun hemm iktar stejjer ta’ suċċess b’iktar trabi jitwieldu iżda rridu nikkunsidraw ukoll lil dawk li ma jkollhomx suċċess fil-proċess. Ħafna drabi ma jkunx hemm raġuni wara dan.

Graziella Galea qalet li meta rċeviet it-telefonata negattiva hi ħasset li kienet tilfet ħajja. Hi pproponiet li aħbar bħal din għandha tingħata wiċċ imb’wiċċ lill-persuni u għandu jkun ikkunsidrat ukoll ir-raġel.

Dwar il-liġi, hi qalet li hemm aspetti li m’humiex fil-liġi iżda tpoġġew fi protokoll. Hi sostniet li hu tajjeb li l-proċessi jsiru barra minn Malta, li tiżdied l-età li mara tista’ tagħmel il-proċess, li jiżdied iċ-ċiklu ma’ tlieta u tajba l-proposta possibbiltà ta’ iktar bajd li l-proċessi li bdew barra minn Malta jkun jista’ jitkompla f’Malta.

Mhux ġust li jingħata li l-Oppożizzjoni qed twarrab din il-liġi iżda l-liġi tinkludi punti oħra. Punt kardinali tal-liġi għandu jkun li tiżdied ir-rata ta’ proċessi tal-IVF.

Hi appellat biex jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija biex il-mara tkun aktar f’pożizzjoni li jkollha suċċess. Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-klinika responsabbiltà u staqsiet jekk hemmx bżonn ta’ iktar investiment, iktar tobba speċjalizzati u iktar persuni jaħdmu.

Piż ieħor hu dak finanzjarju; l-Oppożizzjoni ilha tinsisti li l-mediċini jkunu b’xejn. Jeħtieġ tonqos l-istigma lejn persuni li jkunu għaddejjin mill-proċess tal-IVF.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-importanza ta’ tnaqqis ta’ burokazija u żiedet li kull omm tkun tixtieq tinqabad qtil b’mod naturali u li l-ulied kunu trabi perfetti. Iżda x’nifhmu b’ulied perfetti? Għandna nagħżlu aħna liema trabi jiġu fid-dinja? Embrijun hu ħajja umana li għandha tkun trattat b’dinjità, li għandha valur u d-dritt li din tkompli tgħix.

Graziella Galea tkellmet dwar il-mard inkluż fil-protokoll u spjegat kif se jkunu persuni oħra li jiddeċiedu liema mard ikun ittestjat. Hi staqsiet għaliex il-protokoll ma tpoġġiex mill-ewwel fil-parlament. X’se jsir mill-embrijuni bit-tama li xi darba jkunu addottati? Fir-realtà l-mara tagħżel dak l-embrijun li jkun l-aħjar.

Il-probabbiltà hi li l-embrijuni iffriżati qatt ma jkunu adottati. Għalkemm żmien dawn l-embrijuni se jdumu ffriżati; se jkunu mormija jew se jintużaw għal skopijiet xjentifiċi? Dawn it-testijiet jagħżlu bejn ħajja umana u oħra. L-ugwaljanza għandha tkun f’kull sens anki bejn persuni li għandhom kundizzjonijiet ġenetiċi.

It-testijiet ġenetiċi ma jeliminawx il-mard iżda jkunu eliminati biss liema persuni jiġu fid-dinja. Għandu jingħata iktar appoġġ lil dawn il-ġenituri; hemm soluzzjonijiet oħra flok l-ittestjar inkluż il-polar body testing li jiċċekka l-bajd tal-mara flok fuq l-embrijun.