Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Battalji intensivi f’Severodonetsk — bl-Ukreni determinati li jiddefendu ‘kull pulzier’ ta’ din il-belt

Il-battalji għall-kontroll ta’ Severodonetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, komplew bl-istess intensità tul l-aħħar sigħat u meta l-qawwiet Ukreni qed jippruvaw jitfgħu lura l-attakki kontinwi tal-Armata tar-Russja li qed tipprova, akkost ta’ kollox, li taħtaf kompletament ir-reġjun tad-Donbas.

L-attakki fuq Severodonetsk qed isiru minn diversi direzzjonijiet, bil-ġlied jibqa’ qalil sal-ħin li morna għall-istampa. Iżda minkejja r-rapporti li l-qawwiet Ukreni qed jirreżistu lir-Russi b’diffikultà kbira, il-Gvernatur Ukren ta’ Luhansk, Serhiy Haidai, għamilha ċara li ‘ħadd fost in-nies tiegħu mhuma qed jaħsbu li jċedu l-aħħar inħawi ta’ Severodonetsk li humiex okkupati mir-Russi’.

Kien hemm anki xi rapporti konfliġġenti li r-Russi ma setgħux jagħmlu l-kisbiet ‘deċiżivi’ waqt l-aħħar battalji għal Severodonetsk, għalkemm is-sitwazzjoni baqgħet disposta li tinbidel minn ħin għall-ieħor.

Min-naħa tiegħu, Serhiy Haidai insista li t-truppi Ukreni se jibqgħu jiġġieldu biex jiddefendu ‘kull pulzier ta’ Severodonetsk’ waqt li tenna li r-Russi fl-inħawi ‘ma kenux qegħdin javvanzaw bir-ritmu li xtaqu’.

Il-belt ta’ Severodonetsk saret l-akbar ċentru ta’ battalji kemm ilha għaddejja l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin – bl-inħawi ilhom taħt attakk għal aktar minn ġimgħa.

Fl-istess ħin, il-Kremlin ta’ Moska għadu determinat li jieħu l-kontroll assolut f’din il-belt kif ukoll fl-inħawi ta’ Lysychansk, bħala parti minn pjan biex jikkontrolla lir-reġjun aktar wiesgħa tad-Donbas.

Is-sitwazzjojni f’Severodonetsk anki qed taffettwa bil-kbir liċ-ċivili ta’ din il-belt, b’rapporti oħra jgħidu li bejn 800 u 1,000 resident daħlu fil-bunkers tal-fabbrika ta’ Azot — li tipproduċi l-kimika — biex isibu kenn mill-bumbardamenti kontinwi tar-Russi. F’dan il-grupp hemm anki xi 200 ħaddiem ta’ din il-faċilità li baqgħu fis-sit ‘biex jissalvagwardaw mill-aħjar li jistgħu l-ammonti tal-kimiċi fil-post u li għandhom potenzjal kbir li jisplodu’.