Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-kriżi tal-ikel globali kapaċi tiswa l-ħajja ta’ ‘miljuni’

Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, ċaħdet li l-invażjoni tal-Ukrajna ħolqot – u għadha qed toħloq – kriżi tal-ikel li qed taffettwa lid-dinja kollha.

Fl-istess ħin, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-Ukrajna ‘għandha r-responsabbiltà’ li tneħħi l-mines ( splussivi) li qiegħdet madwar il-portijiet tagħha biex tippermetti li l-bastimenti jaslu u jmorru minn hemmhekk mingħajr periklu.

Lavrov, fl-aħħar sigħat, kellu sensiela ta’ taħditiet fit-Turkija fejn iddiskuta s-sitwazzjoni mal-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin Mevlut Cavusoglu. Dan waqt li l-Ministru Lavrov esprima tama li jkunu solvuti l-issues dwar l-importazzjoni tal-qmuħ tal-Ukrajna.

Madankollu, l-Italja qed tgħid li l-istrateġiji tal-gwerra li qegħdin iwaqqfu l-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna huma bażikament ‘kundanna għall-mewt għal miljuni ta’ irġiel, nisa u tfal’.

L-Italja – flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Punent – qed tinsisti biex ir-Russja tippermetti għall-movimenti ħielsa tal-bastimenti mgħobbijin bil-kunsinni essenzjali mill-portijiet tal-Ukrajna mal-Baħar l-Iswed, minħabba li s-sitwazzjoni, issa, saret tassew iddisprata.

‘Il-konsegwenza ( tal-gwerra) li qed iżżomm l-esportazzjoni tal-qmuħ tfisser li l-miljuni tan-nies spiċċaw ostaġġi ta’ sitwazzjoni allarmanti fuq livell dinji’, qal il-Ministru Taljan għall-Affaraijiet Barranin Luigi Di Maio. Hu għadda l-kumment wara laqħga għall-pajjiżi Mediterranji u li attendew għaliha wkoll ir-Rappreżentanti tal-Food and Agricultural Organization tan-Nazzjonijiet Uniti.

Di Maio żied li l-ġimgħat li ġejjin għandhom ikunu kruċjali, bi kliemu jirriflettu l-inkwiet fuq livell internazzjonali għall-fatt li l-Ukrajna ma tistax tesporta l-ikel b’rata normali.

Min-naħa tagħha, l-Ukrajna ma tridx tneħħi l-mines madwar il-portijiet tagħha minħabba l-biża’ li tispiċċa aktar vulnerabbli għal attakki mill-qawwiet tal-baħar Russi. Il-kelliema fi Kiev sostnew li kwalunkwe passi li jilliberaw il-movimenti mill-portijiet  Ukreni ma jridux itellfu lis-sigurtà tal-pajjiż f’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.